Left arrow Go Back

Għażla wiesa’ ta’ artisti lokali u internazzjonali għas-sitt edizzjoni tal-Gozo Music Festival

PR0931
Date Icon 20/06/2007

Artisti lokali u barranin minn ġeneri mużikali differenti ġew ingaġġati għas-sitt edizzjoni tal-Gozo Music Festival, li se jinżamm ġewwa l-Maxtura Fields f’Għawdex f’Awissu. Dan tħabbar dalgħodu waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, indirizzata mill-organizzaturi Dynamic Promotions, il-kollaboraturi Fresh Music Agency, u l-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono.  

Il-Gozo Music Festival, li se jinżamm fit-18 ta’ Awissu, huwa avveniment annwali stabbilit fost l-udjenzi lokali, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jipprovdi opportunita’ ideali għal artisti lokali biex jipparteċipaw fl-istess attivita’ ma’ artisti stabbiliti fuq livell internazzjonali. L-artisti lokali li se jieħdu sehem din is-sena jinkludu lil Ira Losco u l-band, Winter Moods, Ivan Filletti and Friends, Scar, Gianni u Rug, Spectrum, Cash u l-band, Klinsmann u l-band u Indigo flimkien ma’ DJs Ruby, Miss Roberta, J Joy, Joseph Armani, Carl Bee, Alex Grech, fost l-oħrajn. Diġa’ ġew ingaġġati numru ta’ artisti barranin li jinkludu lill-kantanta Shena – il-kantata ta’ diversi hits internazzjonali fosthom Stupidisco u Guilty; lil DJ Erick E mill-Olanda; u lil Prezioso u Marvin li huma magħrufin ferm għad-diska Tell Me Why minn Festivalbar 1999 u Voglio Vederti Danzare fost diski oħra. 

Waqt li kienet qed tindirizza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet dalgħodu, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li attivitajiet bħall-Gozo Music Festival isaħħu l-popolarita’ ta’ Għawdex mal-viżitaturi billi jipprovdu serata differenti li tappella b’mod partikolari lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi opportunita’ ideali għall-kantanti u artisti lokali biex jesibixxu rwieħhom quddiem udjenzi mhux żgħar. Għalkemm Għawdex huwa popolari ferm mat-turisti fix-xahar ta’ Awissu, il-gżira ftit li xejn tipprovdi attivitajiet speċifiċi għaż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar bħall-Gozo Music Festival. Il-Ministeru għal Għawdex ser jagħti l-għajnuna possibbli lill-organizzaturi ta’ din l-attivita’ għaliex jemmen li attivitajiet kulturali u ta’ divertiment li jkunu ta’ kwalita’ jsaħħu l-prodott turistiku li joffri Għawdex. 

Il-Ministru Debono rreferiet għall-attivita’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana li nżammet f’Għawdex grazzi għall-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura dan l-aħħar. Hija qalet li s-suċċess ta’ attivita’ bħal din turi kemm l-attivitajiet kulturali u ta’ divertiment jingħoġbu mill-pubbliku, saħansitra minn dak ta’ etajiet differenti. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-iskema li nedew dan l-aħħar il-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru għal Għawdex biex tassisti finanzjarjament lil organizzaturi ta’ attivitajiet kulturali u ta’ divertiment li jikkontribwixxu għall-prodott turistiku t’Għawdex. 

Il-Ministru Debono qalet li Għawdex jista’ jibbenefika iktar billi jindirizza niċeċ turistiċi speċifiċi, bil-Gvern diġa’ qiegħed jinvesti b’mod sostanzjali fl-oqsma tad-diving u l-kultura u l-wirt storiku.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow