IL-JUM DINJI TAR-REFUĠJATI - IL-MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI ŻŻUR L-UFFIĊĊJI TA’ ORGANIZZAZZJONI ĠDIDA B’IMPENN FIL-QASAM TA’ L-IMMIGRAZZJONI
L-immigrazzjoni f’pajjiżna għandha bosta aspetti, fosthom l-akkommodazzjoni, il-ħarsien soċjali, u l-integrazzjoni ta’ uħud minn dawk li jingħataw protezzjoni. Biex jilqa’ għall-isfidi, il-Gvern ħaseb li, permezz tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, titwaqqaf unit li jkun jista’ jippjana u jopera f’dawn l-oqsma ġodda.
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tar-Refuġjati, l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, dalgħodu għamlet żjara fl-uffiċċji ta’ l-Organizzazzjoni għall-Integrazzjoni u l-Ħarsien ta’ Persuni li qed ifittxu l-Asil (Organisation for the Integration and Welfare of Asylum Seekers – OIWAS), li bdiet topera fix-xhur li għaddew.
Ix-xogħol li sa ftit ilu kien isir direttament fil-Ministeru issa kiber bl-allokazzjoni ta’ aktar nies u riżorsi, bil-għan li l-Gvern jimplementa l-obbligi li għandu u jingħataw servizzi professjonali f’dan il-qasam speċjalizzat. Minbarra l-operat taċ-ċentri miftuħa, li bħalissa qed jakkomodaw kważi 1,800 persuna, u kontribut fit-tfassil tal-politika dwar l-immigrazzjoni, l-OIWAS toffri servizz ta’ customer care, għajnuna għall-integrazzjoni f’Malta u fl-Ewropa, servizzi professjonali bħal dawk ta’ social workers, proġett biex jitkattru s-servizzi ta’ natura soċjali fiċ-ċentri magħluqa, l-implementazzjoni tal-politika tal-Gvern dwar il-persuni vulnerabbli, identifikazzjoni ta’ fondi Ewropej, u servizzi oħra.
Il-Ministru Cristina saħqet li l-immigrazzjoni hija realtà li ma ġietx u telqet fl-2002. Hija realtà ta’ llum, u t’ghada, fejn nifhmu li miljuni ta’ individwi, u kultant kważi popli sħaħ, ifittxu kenn u ħajja aħjar ’l bogħod minn arthom. Din ir-realtà hija waħda li tirrikjedi li wieħed ikollu ħafna saħħa (strength): is-saħħa biex titlaq mid-dar, tħalli l-familja warajk, il-ħajja li taf; saħħa biex tagħmel dak il-vjaġġ tant perikoluż, fid-desert, f’pajjiżi instabbli oħra, fuq lanċa li taqsam il-Mediterran, lanċa li forsi qatt ma tasal fid-destinazzjoni tagħha; saħħa biex tipprova tibda ħajja ġdida f’pajjiż stranġier, b’użanzi differenti minn tiegħek. F’din ir-realtà li qed ngħixu ta’ immigrazzjoni globali din is-saħħa trid testendi wkoll għal min jieħu ħsieb lil dawn in-nies, mis-suldati li jmorru jgħinuhom fuq il-baħar u l-pulizija li jieħdu ħsiebhom malli jaslu l-art, għall-istaff fiċ-ċentri magħluqa u miftuħa li jew min għax social worker, min customer care, min jaħdem fl-amministrazzjoni, kulħadd b’impenn biex aħna nassigruaw li d-drittijiet ta’ l-immigranti jiġu mħarsa.
Il-Ministru Cristina spjegat li minn meta l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ngħata l-inkarigu li jieħu ħsieb il-ħarsien soċjali ta’ l-immigranti, seħħew ħafna żviluppi li llum waslu biex titwaqqaf din l-istruttura biex tieħu ħsieb, b’mod professjonali, l-inkarigu tal-Ministeru fil-kamp ta’ l-immigrazzjoni. Illum OIWAS qed toffri servizzi lil kważi elfejn immigrant. Il-Ministru Cristina spjegat li aħna rridu nsibu aktar għajnuna mill-Unjoni Ewropea minnbarra l-fondi li jirnexxielna niksbu għal proġetti speċifiċi li jirrispondu għall-bżonnijiet tagħna. B’aktar riżorsi nassiguraw li nkunu nistgħu ngħollu l-livell ta’ kull inizjattiva sabiex tkun prattika tajba, għal benefiċċju ta’ kulħadd. Il-Ministru temmet billi rringrazzjat lil kull min kien preżenti għal din l-okkażjoni u selmet ukoll lill-immigranti miġbura, residenti f’diversi ċentri miftuħa, li tawha tifkiriet maħduma minnhom għall-okkażjoni.
Minn naħa tiegħu, is-Service Manager ta’ l-OIWAS, Alex Tortell, qal li t-twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni qed tagħmilha possibbli biex nagħmlu qabża ta’ kwalità fil-management tal-Gvern ta’ aspett ta’ l-immigrazzjoni li ma tantx jissemma, imma li hu kumpless u li qed nitgħallmu dwaru waqt li qed naħdmu fih. L-għan hu li Malta, fiċ-ċirkostanzi partikolari tagħha, ikollha hi ukoll dejjem aktar eżempji ta’ prattika tajba dwar l-integrazzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, iwasslu lill-immigranti li qed jingħataw protezzjoni biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-iżvilupp f’kull qasam tas-socjetà Maltija u Ewropea. Diġà sar ħafna b’riżorsi inqas, issa għandna possibilitajiet aħjar biex nagħmlu aktar, temm jgħid is-Sur Tortell.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm membri ta’ l-istaff ta’ OIWAS, immigranti residenti f’diversi ċentri miftuħa tal-Gvern, il-Kummissarju għat-tfal is-Sinjura Carmen Zammit, l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Andrew Seychell, u rappreżentanti ta’ diversi organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966