SEHEM IMPORTANTI TAN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED FIT-TKABBIR TA’ L-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA
SEHEM IMPORTANTI TAN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED FIT-TKABBIR TA’ L-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA
“Is-settur tan-negozji żgħar u s-self employed huwa kontributur importanti fil-ħolqien ta’ l-impjiegi u fit-tkattir ta’ l-valur miżjud fl-ekonomija. F’pajjiż fejn il-qgħad qed jonqos, it-tkabbir ekonomiku (PGD) qed jiżdied u l-investiment qed jikber, wieħed jammira l-fatt li n-negozji żgħar u mikro iħaddmu 66% ta’ l-impjegati fis-settur privat. Bejniethom jikkontribwixxu 38.7% tal-valur miżjud fl-ekonomija mis-settur privat. F’dak li huwa investiment, 16.9% ta’ l-investiment mis-settur privat ġej minn negozji żgħar u mikro.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ konferenza li laqqgħet flimkien rappreżentanti ta’ entitajiet governattivi ma’ rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet ta’ negozju u koperattivi.
Waqt din il-konferenza, li fiha tkellmu wkoll l-Onor. Censu Galea, Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, u l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, Prim Ministru, kienet diskussa l-ħidma tal-Gvern b’riżq is-settur tas-self employed u negozji żgħar, u r-rapport ta’ implimentazzjoni li ġie ppubblikat f’dawn l-aħħar jiem mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed. Dan ir-rapport juri x’sar mill-inizjattivi ppubblikati fil-Pjan ta’ Ħidma ppubblikat sena ilu. Għal dawn l-aħħar snin, il-Gvern dejjem ippubblika pjan ta’ ħidma li huwa bbażat fuq iċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, u li juri objettivi li meta nħadmu wrew bil-fatti f’hiex tikkonsisti l-politika tal-Gvern għas-self employed u s-sidien tan-negozji ż-żgħar. “Din il-konferenza għandha l-iskop li tqabbel x’sar f’din is-sena ta’ ħidma ma’ dak li kien imwiegħed li għandu jsir. Dan filwaqt li fl-istess diskussjoni, permezz ta’ diversi workshops, dawk preżenti se jiddiskutu wkoll il-proposti li qiegħed iressaq il-Gvern għall-pjan ta’ ħidma tas-sena li ġejja. Għalhekk, din il-konferenza tixhed l-impenn tal-Gvern li kontinwament huwa disponibbli li jkun mill-eqreb li jista’ jkun għal dan is-settur, u li huwa lest biex mis-suġġerimenti li jisma’ jfassal politika kredibbli li hija maħsuba li tgħin lis-self employed u sidien ta’ negozji żgħar jaħdmu f’ambjent regolatorju aktar faċli, f’infrastruttura f’żoni industrijali aktar adattata, u f’qafas ta’ ħidma edukattiva maħsuba sabiex kontinwament tkompli ttejjeb il-livell edukattiv ta’ persuni self-employed u s-sidien tan-negozji żgħar tagħna.”
F’preżentazzjoni li ta fil-bidu tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta stampa ta’ min huma s-self employed permezz ta’ statistika. L-Onor. Vassallo wkoll ta ħarsa lejn kif inhi mqassma l-attivita’ kummerċjali f’diversi kategoriji u spjega kif 40% tan-negozji żgħar u mikro qegħdin fil-qasam ta’ bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut (wholesale and retail) u li ħafna minnhom qegħdin imferrxin fl-ibliet u l-irħula Maltin. “Irridu nassiguraw li l-ibliet u l-irħula jagħtu importanza akbar lill-attivita’ kummerċjali fi ħdanhom, għaliex huma sors importanti ta’ holqien ta’ impjiegi. In-negozji żgħar tagħna qegħdin iħallu valur miżjud li qed jiżdied minn sena għall-oħra.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla jispjega li “l-ħidma li twettqet u li tpoġġiet għall-evalwazzjoni ta’ dawk preżenti m’hiex il-ħidma tas-Segretarjat biss, iżda hija l-ħidma tal-Gvern permezz tal-ministeri u diversi awtoritajiet u dipartimenti, kif ikkordinata mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed permezz tal-Pjan ta’ Ħidma. “Miftuħa għan-Negozju” kien l-għan prinċipali tal-Pjan ta’ Ħidma tas-sena li qed tagħlaq, u din il-konferenza ġiet imlaqqa’ apposta biex tevalwa kemm bħala pajjiż irnexxielna naħdmu flimkien, entitajiet governattivi u entitajiet li jirrappreżentaw is-settur kummerċjali, biex verament dan il-pajjiż ikun pajjiż miftuħ għan-negozju.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, fil-preżentazzjoni tiegħu, ta ħarsa lejn statistika li turi s-settur tan-negozji żgħar u s-self employed minn x’hiex hu magħmul u x’kienu l-prijoritajiet fil-ħidma tas-sena li għaddiet.
Dawn il-prijoritajiet kienu:
· Edukazzjoni – Tisħiħ tal-Kultura Imprenditorjali
· Tisħiħ tal-Infrastruttura fiż-Żoni Industrijali
· Komunikazzjoni mas-self employed
· Branding tal-attivitajiet kummerċjali fil-komunitajiet
· Parteċipazzjoni ta’ Negozji Żgħar fl-Unjoni Ewropea
· Tnaqqis ta’ burokrazija – Liċenza toħroġ f’għaxart ijiem
· Aktar użu ta’ kompjuters minn negozji żgħar
· Koperattivi – Metodu ieħor ta’ kif isir in-negozju
· Għajnuna Finanzjarja
L-Onor. Vassallo wera kif kull ħidma li saret mhux bilfors tista’ tkun ħidma li wieħed jista’ jevalwa s-suċċess tagħha b’mod dirett, iżda jekk wieħed irid iħares lejn ħidma li s-suċċess tagħha jista’ faċilment jidher, wieħed irid iħares lejn l-organizzazzjoni taż-żoni industrijali. Fil-fatt sar ħafna xogħol siewi fiż-żoni industrijali. Eżempji ta’ dan huma:
· F’erba’ żoni industrijali, fil-Ħandaq, Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta u l-Imrieħel, inbnew 57 triq ġdida, li b’kordinament mal-Kunsilli Lokali rispettivi kollha ngħataw isem
· F’dawn l-istess toroq inbnew mat-12-il kilometru ta’ bankini ġodda
· B’kollox tul dawn l-aħħar snin, f’xogħol infrastrutturali ġew investiti mat-LM3 miljun (€6.9 miljun) u b’hekk ġew garantiti mat-3,000 impjieg
· Fl-erba’ żoni industrijali twaħħlu mal-200 bozza ġdida, u fl-2006 biss intefqu mat-LM22,000 (€51,246)
· F’ħidma ta’ manutenzjoni kontinwa u bl-introduzzjoni ta’ sinjali tat-traffiku ġodda, f’sena waħda intefqu mas-Lm27,000 (€62,893)
· It-tindif kien prijorita’, u fl-2006 f’dawn iż-żoni ntefqu madwar LM25,000 (€58,234) f’servizzi ta’ tindif
· F’Ħal-Luqa (Ħal Farruġ), sar investiment ta’ aktar minn LM33,000 (€76,869) biex għall-ewwel darba qed tiġi installata sistema ta’ street lighting mifruxa fuq numru ta’ toroq, fejn ser jitwaħħlu mat-30 arblu ġdid.
Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellem dwar l-akbar sfida li jsib quddiemu kull min qiegħed fis-settur kummerċjali, li hi l-kompetizzjoni. Huwa qal li “din il-konferenza qed isservi wkoll bħala l-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex fi ftit żmien ieħor ikun ippubblikat il-Pjan ta’ Ħidma għas-sena Ġunju 2007 – Ġunju 2008 bl-objettiv ‘Nirbħu fil-Kompetizzjoni’. Bħal snin oħra, il-pjan ta’ ħidma ser ikun ibbażat fuq l-inizjattivi mfassla fiċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, u dan iċ- Charter jgħinna biex niżviluppaw ekonomija li hi bbażata fuq l-informazzjoni. Qegħdin ngħinnu lin-negozji żgħar tagħna jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, fejn jistgħu jkomplu jiżviluppaw u jikbru.”
Fid-diskors tiegħu, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, Prim Ministru, ħeġġeġ lin-negozji żgħar biex japprofittaw mill-miżuri meħuda fil-budget li huma ta’ għajnuna partikolari għan-negozji tal-familja. Huwa qal li ser ikun qiegħed janalizza l-kummenti li joħorġu mill-konferenza, anke fil-kuntest tal-pre-budget document. L-Onor. Dr. Gonzi qal ukoll li n-negozji żgħar u persuni self-employed huma sħab importanti mal-Gvern għall-bidla għall-Ewro, u ħeġġeġ biex aktar negozji jidħlu fl-iskema FAIR.
Fl-aħħar tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex din is-sena saret ħidma biex pajjiżna jkun pajjiż miftuħ għan-negozju, u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex juru aktar determinazzjoni u impenn biex fis-sena li ġejja, filwaqt li pajjiżna jibqa’ pajjiż miftuħ għan-negozju, titfassal u titwettaq ħidma li permezz tagħha dawk kollha li jipparteċipaw fin-negozju jkunu jistgħu jirbħu fil-kompetizzjoni. B’dan il-mod, l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ bil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u bit-tisħiħ ta’ politika edukattiva, ambjentali u soċjali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966