Left arrow Go Back

TNEDIJA TAL-PJAN TA’AZZJONI DWAR L-UGWALJANZA BEJN L-IRĠIEL U N-NISA 2007 - 2008 TA’ L-ETC

PR0924
Date Icon 19/06/2007

L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, illum nediet it-tielet Pjan ta’Azzjoni dwar l-Ugwaljanza ta’ Bejn l-Irġiel u n-Nisa tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) fir-rigward għax-xogħol għas-snin 2007 u 2008.  

Il-Pjan ta’Azzjoni jagħti analiżi profonda ta’ x’seħħ fis-suq tax-xogħol matul dawn l-aħħar sitt snin mill-perspettiva ta’ l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi u jipproponi serje ta’ attivitajiet u proġetti biex jindirizza din ir-realtà. Dawn jinkludu għadd ta’ inizjattivi ta’ taħriġ, proġetti ġodda ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, servizzi ta’ għajnuna u informazzjoni, Skema ta’ Rikonoxximent għal dawk li jħaddmu u joffru soluzzjonijiet innovattivi fix-xogħol għall-impjegati tagħhom.  

Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru Cristina saħqet fuq il-bżonn li jsir ħafna aktar xogħol fuq livell inter-ministerjali bħal dak li sar fir-rigward ta’ dan il-Pjan, li ra l-appoġġ ta’ ħafna entitajiet, fosthom il-Kummissjoni għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza (NCPE) li fil-fatt taqa’ taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.  

Il-Ministru fakkret li għalkemm huwa fatt li l-figura tan-nisa attivi fid-dinja tax-xogħol hija pjuttost baxxa, kollox irid jittieħed fil-kuntest lokali tiegħu u għalhekk, fil-każ ta’ Malta, żgur li ma nistgħux nikkumparaw ma’ pajjiżi Skandinavi fejn il-kultura tal-post hija radikalment differenti minn tagħna. Hija spjegat li aħna għadna pajjiż f’età bikrija f’dan il-qasam, iżda, il-kultura mhijiex xi ħaġa statika u għalhekk huwa tajjeb li nħarsu lejn best practices fix-xena lokali biex inkunu nistgħu nkomplu nsaħħu dan il-qasam sabiex jirrefletti aktar it-tibdil fil-lifestyles taż-żgħażagħ li qed naraw madwarna. 

Il-Ministru emfasizzat ukoll in-neċessità li nħarsu dejjem il-kunċett ta’ make work pay għaliex b’hekk in-nisa nistgħu nħajruhom joħorġu minn xi xogħol informali li jista’ jkollhom biex b’hekk jidħlu uffiċjalment fid-dinja tax-xogħol. Għal dan il-għan il-Gvern qed iħares ukoll lejn min jaħdem 8 sigħat u aktar biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ dawn in-nies ukoll f’dak li jirrigwarda benefiċċji li huma jistgħu jkunu intitolati għalihom. 

Aktar minn hekk, hija għamlet aċċenn importanti fuq il-fatt li għandna dejjem nisħqu fuq il-fatt li xogħol flessibbli jfisser investiment għal min jimpjega. Il-leġislazzjoni f’dan il-qasam hija importanti imma żgur li jrid ikollna kampanja aktar iffukata fuq min jimpjega biex huma jħarsu lejn l-impjegati tagħhom bħala investiment u b’hekk joħolqu l-kundizzjonijiet idonei għal ħaddiema tagħhom. Il-Ministru Cristina fakkret li grazzi għal riċerka li ħarġet mill-ETC stess, aħna issa f’pożizzjoni ngħidu li l-family friendly measures huma fil-quċċata ta’ dak li n-nisa jixtiequ biex ikomplu jaħdmu jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ħafn’aktar miċ-childcare centres. Bħala Gvern diġà ħdimna ħafna fuq dawn il-miżuri u irridu nkomplu nsaħħuhom u nżiduhom. Bla dubju ta’ xejn, l-isfida l-kbira jibqa’ s-settur privat. Hawnhekk irridu nkomplu nisħqu li dawn il-miżuri huma bżonjużi u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu parti mill-Corporate Social Responsibility ta’ dan is-settur. 

Il-Ministru Cristina semmiet ukoll iċ-Childcare Centres u tenniet li kien ta’ ġid li l-ewwel ħloqna skemi u għajnuna, kemm ta’ riżorsi u anke ta’ finanzi, biex dawk eżistenti jilħqu l-istandards stabbiliti biex issa resqin lejn il-qafas leġislattiv. Għalkemm ir-riċerka wriet li dawn iċ-ċentri mhumiex is-soluzzjoni għal kollox, bla dubju ta’ xejn huma pern ieħor li jista’ jgħin lin-nisa jilħqu l-ugwaljanza fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk, il-Gvern issa identifika tliet skejjel li fihom se jiġu żviluppati faċilitajiet ta’ childcare għal matul il-jum u hemm bżonn li dawn iċ-ċentri jkunu aċċessibbli ekonomikament għal firxa wiesa’ tal-popolazzjoni. Minbarradan, minn hawn u ftit ieħor se naraw il-ftuħ ta’ childcare centre ieħor f’Birkirkara fuq il-mudell ta’ Smart Kids fi ħdan iċ-Ċentru AĊĊESS, u mbagħad imiss ċentri oħra fil-Belt Valletta u f’San Pawl il-Baħar. Il-Ministru Cristina għalqet billi rringrazzjat lill-ETC għall-ħidma siewja tagħhom u għall-impenn li dejjem taw f’dan il-qasam. 

L-ETC minn dejjem kienet fuq quddiem nett fil-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol lokali. L-inizjattivi proposti fil-Pjan ta’Azzjoni huma mmirati għal gruppi differenti. Dawn jinkludu nisa li qed ifittxu x-xogħol, nisa li diġà huma f’impjieg, dawk li jħaddmu u managers tar-Riżorsi Umani, nisa li qed jiffaċċjaw is-sensji, persuni li qed isibuha diffiċli sabiex isibu bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tal-familja u x-xogħol, ġenituri waħedhom, studenti minn skejjel sekondarji u nisa immigranti. 

Il-Pjan ta’Azzjoni dwar l-Ugwaljanza ta’ Bejn l-Irġiel u n-Nisa hu riżultat ta’ proċess twil ta’ konsultazzjoni ma’ persuni u entitajiet varji fosthom l-għaqdiet ta’ min iħaddem, għaqdiet tal-ħaddiema, għaqdiet volontarji, entitajiet governattivi, policy makers, akkademiċi u r-Rappreżentanza tal-UE f’Malta. Managers u konsulenti tax-xogħol li jaħdmu fi ħdan il-Korporazzjoni kienu wkoll involuti f’dan il-proċess.   

Kopja ta’ dan il-Pjan ta’Azzjoni dwar l-Ugwaljanza ta’ Bejn l-Irġiel u n-Nisa 2007 – 2008 u aktar informazzjoni dwar l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, jistgħu jinkisbu mingħand Lucy Pace Gouder fuq 2220-1122 jew fuq lucy.pace-gouder@gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow