RWOL POŻITTIV TAL-‘HOST FAMILIES’ FIS-SETTUR TURISTIKU
“Kulmeta nżur skola għat-tagħlim ta’ l-Ingliż jiġu quddem għajnejja żewġ fatturi: l-istudenti u l-‘host families’. L-istudenti huma s-sinsla ta’ din in-niċċa turistika filwaqt li l-‘host families’ huma n-nies li jospitaw l-istudenti u li bis-servizz mill-aqwa tagħhom jagħtu kontribut kbir lis-settur turistiku.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta żar l-EC Malta li twaqqfet fl-1991 u li llum topera ċentri s-sena kollha għal studenti adulti mhux biss f’Malta iżda wkoll f’Londra, Cambridge, Brighton u Cape Town. Programmi tas-sajf għaż-żgħar isiru wkoll fl-iskejjel ta’ l-EC f’Malta u r-Renju Unit.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-isfond tal-politika tal-Gvern li jgħin is-settur turistiku, ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex jappoġġjaw lill-‘host families’. Hu qal li bdiet titħaddem struttura fiskali vantaġġjuża fejn l-ewwel Lm1,000 li jaqilgħu l-host families ma titħallas ebda taxxa fuqhom. Mill-bqija titħallas biss taxxa fuq terz biss tad-dħul kollu. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li minbarra din il-miżura l-operaturi tal-host families ingħataw l-għażla, jekk iridux li jkunu eżenti milli jħallsu l-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Nazzjonali b’effett retroattiv. Hu qal li issa tneħħiet ukoll il-kontribuzzjoni ta’ Lm40 li l-host families kienu jħallsu lill-MTA.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-industrija turistika hi mibnija fuq numru ta’ segments li minnhom it-Tagħlim ta’ l-Ingliż hu wieħed mill-aktar importanti. Hu qal li hu stmat li s-sena l-oħra 66,000 barrani ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż. Din hi żieda ta’ sebgħa fil-mija fuq l-2005.
“Iż-żieda fin-numru ta’ studenti li jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż hu r-riżultat dirett tat-tagħlim professjonali li jingħataw dawn l-istudenti, għall-qafas legali u edukattiv li jappoġġja t-tagħlim ta’ l-Ingliż u l-livell għoli ta’ servizz li joffru l-host families,” qal il-Ministru Zammit Dimech. Hu qal li EC Malta hi impenjata lejn il-kwalita’ mhux biss fit-tagħlim iżda wkoll fl-akkomodazzjoni, divertiment u l-aspett soċjali. Hu qal li EC Malta huma kburin mhux biss li jilħqu ma’ l-aspettittiva tal-klijenti tagħhom iżda li anke jissuperawhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li aħna kburin li għandna nies hekk impenjati f’dan is-settur u li huma garanzija ta’ servizz u ta’ aktar espansjoni tan-niċċa tat-tagħlim ta’ l-Ingliż. Hu feraħ lil EC Malta għall-impenn tagħha lejn pajjiżna u għas-servizz mill-aqwa li qed toffri lill-istudenti li jitgħallmu l-Ingliż.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966