DISKORS TA’ L-ONOR. DR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TAR-RABA’ SULAR TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA, VALLETTA.
Onor. Viċi Prim Ministru u
Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern,
Sinjurija Tiegħu Onor. Prim Imħallef,
Onor. Membri Parlamentari,
Direttur Ġenerali, Diretturi
Sinjuri,
Ebda sistema ġudizzjarja ma tista’ tiffunzjona jekk ma jkollhiex warajha s-servizzi essenzjali sabiex jgħinuha taħdem u tamministra tajjeb il-ġustizzja. Ma għandna ebda dubbju li f’dawn is-snin saru sforzi kbar sabiex naġġornaw u nimmodernizzaw il-mod ta’ kif inhija organizzata l-amministrazzjoni li tħares li tagħti servizz lill-pubbliku u lill-operaturi legali li ta’ kuljum jiġu f’din l-istruttura.
Tista’ tgħolli l-livell tas-sistema ġudizzjarja billi tieħu ħsieb taġġorna l-liġijiet tal-pajjiż, u dak huwa tajjeb fih innifsu, speċjalment meta jirnexxilek tnaqqas id-dewmien fil-konklużjoni tal-kwistjonijiet legali li jsibu ruħhom quddiem il-Ġudikatura tagħna. Però, daqshekk ieħor huwa importanti li nieħdu ħsieb li nżidu fil-livell u fil-kwalità tal-prattiċi amministrattivi sabiex inħaffu u nissimplifikaw kif isir ix-xogħol ta’ kull jum u neċessarju.
Tul dawn is-snin inbniet il-prattika ġdida u sistema ferm aħjar milli kellna fi snin oħra. Metodi differenti sabiex wieħed jikkonkludi u jeħles minn intoppi li kienu jqumu bejn l-esiġenzi tal-Ġudikatura u s-servizz mogħti lilha mill-amministrazzjoni. Il-qafas intern bid-diviżjoni ta’ tlett dipartimenti prinċipali – dak taċ-Ċivil, tal-Kriminal u dak tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, flimkien ma’ Direttur Ġenerali bil-poteri separati mogħtija lilu fl-Avviżi Legali 138 u 139 ta’ l-2004 – assiguraw qabża fil-kwalità. L-aħħar diskors tas-Sinjurija Tiegħu l-Prim Imħallef ta’ Ottubru 2006 jixhed dan bl-aktar mod ċar għax, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-Qrati, kien hemm kliem ta’ apprezzament (biex ma ngħidx ukoll ta’ tifħir) għall-mod tajjeb li fuqu ġew żviluppati r-relazzjonijiet bejn il-Prim Imħallef u d-Direttur Ġenerali. Bis-sistemi li tħaddmu ġew solvuti problemi antiki u rrenjat ferm iktar paċi fil-ħajja ta’ kull ġurnata hawn ġew. Fuq dik l-esperjenza pożittiva wieħed jista’ jibni u jżid fil-valur ta’ dak l-Avviż Legali billi din il-prattika tidħol ukoll hemm għall-futur.
Fir-realtà kull min jaħdem hawn ġew jaf li hawn problemi x’jiġu affrontati kuljum. Uħud prevedibbli, oħrajn le. Bil-kwantità ta’ ħaddiema li hawn, li jersqu viċin l-erba’ mitt ruħ, flimkien mal-Ġudikatura, l-avukati u l-prokuraturi legali, l-post li qegħdin fih huwa llum żgħir għall-esiġenzi. L-espressjoni tagħna hija li post żgħir ikun mimli daqs bajda. Però hawn ġew, nissogra ngħid iktar minn bajda. Verament, meta l-bini twieled, ħadd ma seta’ ġieh il-ħsieb li kien se jkun hawn dawn il-persuni kollha jaħdmu fih. Però din illum hija realtà u għalhekk wieħed irid jara dejjem iktar kif jutilizza tajjeb u aħjar l-ispazju disponibbli.
Kien għalhekk li tul dawn l-aħħar snin tfassal u nbena mill-ġdid dan ir-raba’ sular. L-istrutturi antiki li kienu nbnew huma wkoll f’attentat sabiex jipprovdu spazju aħjar inbidlu u magħhom u flokhom hawn illum dan l-ispazju kollu. Dawn l-istrutturi ġodda sejrin jippermettu li numru ta’ persuni fl-amministrazzjoni se jitilgħu hawn fuq u dan ifisser illi se jikun hemm, l-ewwel, spazju vakat mis-sulari ta’ isfel u t-tieni, ambjent aħjar għal diversi ħaddiema li qabel kienu qegħdin jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna. Permezz tiegħu l-ħaddiema tagħna se jkollhom ambjent aħjar fejn jaħdmu. Wieħed li jixirqilhom u wieħed li fuqu nittama li biċċa biċċa l-uffiċini kollha hawn ġew ikollhom l-istess livell ta’ kwalità.
Dan m’huwiex l-uniku proġett li sar jew li ser isir hawn ġew. Wieħed għandu jsemmi li f’dawn is-snin, l-amministrazzjoni ħadet ħsieb li fetħet il-bini tal-Qorti tal-Familja u għall-ewwel darba f’erbgħin sena, ġiebet fis-seħħ fis-sular ta’ isfel reġistru wieħed għall-atti marbuta mas-sezzjoni Kriminali.
It-tielet, inbidlet l-entratura tal-Qorti billi ngħatat iktar dinjità u bdew l-ewwel passi ta’ żona ta’ sigurtà.
Ir-raba’, inbena lift ġdid li jiflaħ numru ferm iktar ta’ nies u dan apparti diversi xogħlijiet oħra li saru, fosthom il-bidla mill-ġdid ta’ awla tal-maġistrati li kienet inħarqet kompletament u r-ristrutturat mill-ġdid tar-reġistru tal-Maġistrati. Huwa mistenni li dawn ix-xogħlijiet jitkomplew għax għad fadal iktar xogħol x’isir fosthom dak li jinbnew strutturi kompletament ġodda għall-Ġudikatura.
Kif jgħidu, kull bidu mitmum. Tul dawn l-aħħar snin stajt nara b’għajnejja l-impenn li l-amministrazzjoni daħlet għalih. Sar xogħol tajjeb, utli. Ġew solvuti diversi ntoppi. Dan serva u se jkompli jservi sabiex wieħed iżid fil-livell li għandna nippretendu li jkollna mill-Qrati ta’ pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea.
Nirringrazzja mill-qalb lil kull min għen sabiex dan il-post isir. Dan huwa monument għalikom li fassaltuh u ħadtu ħsieb li jitwettaq. Fuq nota personali nagħlaq billi nfakkar li għoxrin sena ilu, fid-19 ta’ Ġunju 1987, ġabra ta’ nies daħlu u għamlu ħerba minn dan il-post billi ħarqu u kissru kemm felħu. Dak kien u għadu jum importanti ħafna f’ħajti u llum, wara dawn is-snin, qed nagħti lura minn dak li ħadt – azzjoni tajba għal waħda ħażina li rċevejt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966