Left arrow Mur Lura

Diskors mill-hon. censu galea, Ministru għall-Kompetittivita’ u Kom.., fl-okkażjoni tal-Konferenza Annwali dwar ir-rapport ta’ ħidma ‘Miftuħa għan-Negozju’ tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żghar u s-Self Employed – Qawra – 19 ta’ ġunju 07

PR0916
Date Icon 19/06/2007

Nixtieq nibda billi nuri l-apprezzament tiegħi għas-sehem importanti li għandhom in-negozji żgħar u s-self employed bħala element importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Aħna nemmnu li fil-prattika għandna nsostnu lin-negozji sabiex jgħelbu d-diffikultajiet li jsibu biex jikkompetu billi ngħinuhom jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Għaldaqstant, irridu naraw li l-għajnuna finanzjarja tagħna tkun iffokata sabiex tgħallem, teduka u tagħti gwida lill-operaturi sabiex jagħżlu dawk in-negozji li jipprovdu valur miżjud. 

Wieħed mill-għanjiet prinċipali tal-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni hu li jħares il-kompetizzjoni ġusta, u għalhekk is-sena ta’ ħidma li ġejja ser tagħti attenzjoni partikolari sabiex nassiguraw li n-negozji ikunu aktar konformi mal-liġijiet u l-obbligi fiskali tagħhom. B’hekk nassiguraw li din il-kompetizzjoni tkun waħda ġusta u sinċiera bejn id-diversi operaturi fis-suq. 

Dan huwa Gvern viċin is-Self Employed għaliex iżomm kuntatt fil-viċin ma’ l-attivita’ kummerċjali fit-tfassil tal-politika tiegħu. Barra minn hekk, il-Ministeru tagħna joħroġ Constraints Report fuq bażi regolari sabiex jelenka dawk l-isfidi li n-negozji ż-żgħar ikunu qed jiltaqgħu magħhom. Fuq bazi ta’ dawn ir-rapporti l-Ministeru imbaghad ikollu l-obbligu li jippjana l-attivitajiet tiegħu flimkien ma’ Ministeri oħra sabiex jiġu ndirizzati dawn id-diffikultajiet. 

B’sodisfazzjoni ninnota ukoll li pjan ta’ ħidma mniedi mis-Segretarjat f’dan il-Ministeru ser ikompli jiffoka fuq il-koordinazzjoni bejn il-Ministeri favur in-Negozji ż-Żgħar. Fil-fatt, ta’ min isemmi ukoll li l-Better Regulation Unit, li twaqqaf bħala parti mill-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona sabiex inaqqas il-burokrazija żejda, qiegħed iħalli l-frott, filwaqt li numru ta’ inizjattivi diġa ġew fis-seħħ u oħrajn qed jinħadmu. Dan il-Process ta’ simplifikazzjoni fil-liġijiet tagħna qed ikun ibbażat fuq il-prinċipju approvat mill-Unjoni Ewropea li jipprovdi għall-flessibilta’ fejn jidħlu negozji żgħar u self employed. Filwaqt li nosservaw il-liġijiet u r-regolamenti, dawn għandhom ikunu hemm sabiex jassiguraw kompetizzjoni ġusta u ugwali bejn l-operaturi kollha fis-suq, u mhux biex jagħmlu l-ħajja tan-negozju aktar diffiċli. 

Tkellimna fuq il-ħidma tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ dan is-settur tant importanti fl-ekonomiji ta’ kull pajjiż żvillupat. Għalhekk, kif hawn din l-udjenza hekk wiesgħa tas-soċjeta’ Maltija, nixtieq nieħu l-okkażjoni biex bi pjaċir inħabbar inizzjattiva oħra mill-Kummissjoni Ewropea favur l-intraprenditorija, jiġifieri dik tal-Premju Ewropew għall-Intraprenditorija The European Enterprise Award, bil-għan li jiġu rikonoxxuti w ippremjati inizjattivi li jappoġġjaw l-imprenditorjat fuq livell nazzjonali jew reġjonali.

Din hi t-tieni sena li l-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija qegħda tniedi din il-kompetizzjoni għas-27 pajjiż membru, kif ukoll pajjiżi kandidati, flimkien ma’ l-Islanda, in-Norveġja w it-Turkija. 

L-għan u l-objettivi prinċipali għal dan il-premju huma li :-

·        Jiġu identifikati persuni jew entitajiet li jippromwovu b’suċċess l-intrapriża u l-intraprenditorija

·        Juru l-aħjar politika u prattiċi ta’ l-intraprenditorjat

·        Joħolqu kuxjenza dwar il-valur miżjud ta’ l-intraprenditorjat fi ħdan l-ekonomija tas-suq

·        Iħeġġu u jinspiraw lil intraprendituri potenzjali. 

Għaldaqstant, il-kummissarju responsabbli mill-Intrapriża u l-Industrija, Gunther Verheugen flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni fi ħdan l-Unjoni Ewropeja u l-Assoċjazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija Ewropej (EUROCHAMBRES) nieda dan il-konkors wara is-suċċess miksub is-sena li għaddiet, meta madwar 400 sottomisjoni ġew ippreżentati minn 27 pajjiż inkluż Malta, li minnhom intagħżlu 51 proġett biex jikkontestaw għal wieħed mill-ħames kategoriji ta’ premjijiet kif ser insemmi aktar tard, kif ukoll għall-premju finali tal-ġurija. Il-proposta ta’ Malta sottomessa mill-Malta Enterprise kienet magħżula ma’ l-aħħar 51 proposta għall-premju finali. 

Għalhekk, huwa l-pjaċir tiegħi li qiegħed illum inniedi l-konkors nazzjonali li ser ikun jismu ‘Insostnu n-Negozju’ biex minn din il-kompetizzjoni jintagħżlu żewġ proposti li fl-opinjoni ta’ ġurija indipendenti jkun jistħoqqilhom rikonoxximent u jipparteċipaw f’isem Malta fil-Kompetitizzjoni Ewropea li ser issir f’Porto fil-Portugal f’Diċembru li ġej. 

Il-Ħames kategoriji li ser jiġu ippremjati u li għalihom jistgħu jiġu sottomessi applikazzjonijiet huma dawn :-

1.      Premju għall-Pijunerija Intraprenditorjali

2.      Premju għall-Appoġġ lill-Intrapriża

3.      Premju għal Tnaqqis ta’ Burokrazija Żejda

4.      Premju għal Investiment fin-Nies

5.      Premju għal Intraprenditorija Responsabbli 

Inħeġġiġkom tieħdu din l-opportunita’ biex tieħdu sehem f’dan il-Konkors Nazzjonali u Ewropew fejn l-inizjattivi rebbieħa ser jiġu proġettati mhux biss mal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea iżda wkoll ma’ bosta pajjiżi oħra permezz tal-coverage estensiv mal-media kollha internazzjonali. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow