Il-produzzjoni tal-laħam tal-broilers żdiedet b’29 fil-mija
L-investiment mill-Gvern u l-finanzjament mill-Unjoni Ewropeja qed iwasslu biex fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-produzzjoni tal-laħam tal-‘broilers’ żdiedet b’29 fil-mija. Dan ifisser ukoll li l-konsumatur Malti qed igawdi minn prodotti tat-tiġieġ frisk lokali u ta’ kwalita’ aħjar.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent l-Onor. George Pullicino u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd, l-Onor. Francis Agius nhar is-Sibt filgħodu żaru l-impjant ta’ l-ipproċessar tat-tiġieġ “Valle del Miele” f’Burmarrad, fejn tlestiet it-tielet fażi ta’ proġett li ser jgħin biex tkompli tiżdied l-effiċjenza u allura jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar, kif ukoll titjib fil-kwalità tal-prodott.
Il-kumpanija nstallat air chill u packing machine f’ambjent iġeniku li ser jwasslu għal ‘shelf-life’ itwal għall-prodotti tat-tiġieġ ta’ bejn 3 u 7 ijiem bħala minimu. Dan għaliex it-tiġieġa ser titkessaħ aktar malajr. Dan il-makkinarju li sewa b’kollox mal-kwart ta’ miljun Ewro ser ikollu ‘throughput’ ta’ bejn 1,000 u 1,200 ‘broiler’ kull siegħa. Parti mill-ispejjeż tiegħu nħarġu taħt skema għall-istrutturar konformi mat-trattat ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Meta tkellem dwar dan l-investiment innovattiv, il-Ministru Pullicino qal li “Minkejja l-isfidi li ġġib magħha l-kompetizzjoni u d-diffikultajiet minħabba żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-ġwież, dan l-investiment, flimkien ma’ dak li sar minn proċessuri oħra f’dan is-settur u bdiewa li jkabbru l-broilers, u wara r-ristrutturar meħtieġ, wasslu biex dan is-settur irpilja, tant li l-produzzjoni tal-laħam tal-broilers żdiedet b’29 fil-mija.”
“M’hemmx dubju li l-prodott tat-tiġieġ lokali preżentement diġa hu superjuri għal dak ta’ barra. B’dan l-investiment u b’dak li sar f’impjant ieħor f’pajjiżna, l-kwalità tal-prodott lokali bit-tikketta tal-‘health mark’ ser ikompli jitjieb għall-benefiċċju tal-konsumatur Malti u Għawdxi,” żied jgħid il-Ministru Pullicino
Fl-ewwel tliet xhur tas-sena dan l-impjant ta’ Valle Del Miele irreġistra żieda fl-ipproċessar ta’ 38 fil-mija meta mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena l-oħra. Il-Ministru ta’ l-Ambjent tenna li l-fattur li wassal għal dan ir-riżultat pożittiv kien l-aġġustament fil-valur ta’ sussidju li jingħataw il-produtturi. Fattur importanti ieħor li wassal għal din iż-żieda fil-produzzjoni kienet effiċjenza akbar fit-trobbija.
Is-Segretarju Parlamentaru għall-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius qal li l-Gvern qed ikompli jagħti xhieda tal-impenn tiegħu bil-fatti lis-settur agrikolu bit-tħabbir ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea taħt il-miżura 3.2 tal-Programming Complement, msejħa Marketing and Processing. Permezz ta’ din il-miżura qed ikun assigurat li jsir investiment li kieku hu diffiċli ferm li kien isir. Il-fondi ta’ din il-mizura jithallsu milll-Unjoni Ewropea (35%) u tal-Gvern Malti (15%) u n-nofs l-ieħor isir mill-privat.
Dr Agius spjega kif is-settur tat-tjur bħal kull settur fl-agrikoltura għaddej minn fażi ta' bidla u ristrutturar biex jilqa' aħjar għall-isfidi ta' suq liberalizzat. Din it-transizzjoni kienet inevitabbli, nidħlu jew ma nidħlux fl-Unjoni Ewropea.
Illum l-operaturi fis-settur jirrikonoxxu li d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien l-ixprun li wassal għat-tibdil meħtieġ biex jintlaħqu l-istandards Ewropej, ikunu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi u l-liġijiet ta’ l-animal welfare. Dr Agius qal li l-impjant moderniżżat huwa eżempju ħaj tat-tibdil, u l-frott tat-tibdil li issa kulħadd se jkun qed igawdi minnu.
L-impjanti ta’ l-ipproċessar li qed ikunu approvati mill-Unjoni Ewropea huma garanzija ta’ sigurta’ fil-prodotti ta’ l-ikel għaliex il-proċess kollu jsir taħt l-aktar kundizzjonijiet stretti ta’ iġjene.
Dr Agius spjega kif l-investiment u l-għajnuna li ta l-Gvern għall-Marketing & Processing għas-snin 2004 u 2005 kienet kif ġej:
· Lm0.914 (€2.13 miljuni)
· Lm 1.43 (€3.33 miljuni)
Total Lm 2.34 (€5.45 miljuni)
“Il-Gvern għamel kampanja biex tingħata importanza lill-promozzjoni tal-kwalita’ u s-sigurta’ fil-prodotti ta’ l-ikel. Għal din il-kampanja l-Ministeru alloka Lm130,000 (€302,818) u issa qed naraw il-frott mixtieq”, temm jgħid Dr Agius
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966