Left arrow Mur Lura

2007 – Is-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd

PR0902
Date Icon 16/06/2007

L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, nehdiet illum is-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd f’Malta.  

Fis-seminar ta’ ftuħ ta’ din is-sena Ewropea ġew ippreżentati it-tlett proġetti Maltin li ġew magħżula, filwaqt li l-Bord Nazzjonali għall-Implimentazzjoni ppreżenta kemm il-proġett li se jniedi, kif ukoll ir-regolamenti u l-istrateġija li ntlaħqet b’kunsens mal-pajjizi ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-proġetti kollha ser jiffukaw fuq id-diversità u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza. It-tliet proġetti li ntagħżlu huma Mosaic immexxi mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza (NCPE), Ilkoll Indaqs immexxi mill-JRS (Jesuit Refugee Service), u Rights Not Charity Campaign immexxi mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà (KNPD).  

Il-messaġġ li l-Ewropa qegħda tagħti lin-nies huwa wieħed ċar u sod: id-differenzi tagħna huma s-saħħa tagħna, u għaldaqstant għandna negħlbu x-xkiel u l-ostakli li niffaċjaw u nħarsu lejn id-diversità b’lenti pożittiva. Id-diversità hija l-iktar riżors prezzjuz ta’ l-Ewropa, iżda minħabba sterjotipi u preġudizzji varji ta’ spiss qiegħed jiġri li individwi qegħdin jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ trattament li mhuwiex ġust.  

Fid-diskors tagħha l-Ministru Cristina saħħqet li kull pajjiż għandu jagħmel l-almu tiegħu sabiex id-differenza issir xprun ta’ forza u mhux ta’ tfixkil sabiex noħorġu l-pożittiv minn din il-qawsalla ta’ bnadar, patrimonji, ilħna u ħsibijiet. Hija tenniet li mhuwiex biżżejjed li nsostnu li d-demokrazija ġġib magħha opportunitajiet ugwali, iżda rridu naħdmu sabiex naraw ugwaljanza fir-riżultati ukoll. Il-Ministru fakkret li permezz ta’ fondi mogħtija lil pajjiżna mill-Unjoni Ewropea, Malta ilha tiffoka fuq opportunitajiet indaqs għal kulħadd għal snin twal. Fil-fatt illum naraw li l-kuxjenza dwar id-diversità kibret, u huma ħafna wkoll l-entitajiet u l-għaqdiet volontarji li ilhom snin twal jaħdmu bla heda sabiex jagħmlu promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ ugwaljanza. Il-Ministru fissret li l-Gvern dejjem kien u ser jibqa’ fuq quddiem nett biex, permezz tal-policies li jsawwar u jkompli jsaħħaħ dawn il-prinċipji li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li fuqha nbniet Malta kif ukoll l-Unjoni Ewropea. Sostniet li f’kull pjan ta’ azzjoni, u f’kull miżura li tittieħed, l-individwu dejjem hu fil-qofol tad-deċiżjonijiet. L-individwu huwa l-punt tat-tluq u l-iżvilupp sostenibbli ta’ kull bniedem fi ħdan is-soċjetà huwa l-punt tal-wasla tagħna, hija qalet. Il-Ministru għalqet billi rringrazzjat lil kull min huwa nvolut fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fl-impenn favur l-ugwaljanza. 

Din is-sena ddedikata għall opportunitajiet indaqs għandha l-għan li tqajjem kuxjenza mal-poplu kollu ta’ l-Ewropa kif ukoll ma’ dawk il-persuni li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż u t-twettiq tal-politika. Bosta huma dawk il-persuni li huma mċaħħdin minn opportunitajiet ugwali minħabba s-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentament sesswali tagħhom. Għaldaqstant, din is-sena mhijiex xi punt ta’ wasla imma se tkun it-tmun ta’ passaġġ lejn triq li tħares lejn id-diversità u li titlob għal kontinwazzjoni ta’ impenn f’dan il-qasam. Illum l-Ewropa qegħda tiffaċċja l-isfidi li l-globalizazzjoni ġġib magħha u għaldaqstant għandu jkun hemm impenn sabiex in-nies kollha jkollhom l-istess ċans u opportunitajiet.   

Il-miri li stabbilit din is-Sena huma primarjament tlieta.  L-ewwel insibu l-bżonn li l-poplu kollu jkun infurmat dwar id-drittijiet li jħaddan. L-istatistika li ħarġet mill-Eurobarometer tikkonferma li din hija priorità mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll internazzjonali. It-tieni għan huwa li nagħmlu l-opportunitajiet ugwali realtà. It-tielet u l-aħħar mira stabbilita hija li noħolqu kuxjenza dwar il-benefiċċji tad-diversità. Hekk kif saħħqu l-kelliema prinċipali waqt is-seminar, huwa essenzjali li nżommu f’moħħna li s-soluzzjoni ma tinsabx billi ninsew dak li aħna, iżda billi ngħożżu l-kwalitajiet li jiddistingwuna minn xulxin. 

Il-Bord Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tas-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd mhux biss jikkordina l-proġetti magħżula, iżda jrid ukoll iqajjem kuxjenza akbar dwar il-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u jrid jara li hemm konsistenza fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li teżisti madwar l-Ewropa kollha. Il-Kelliema għall-Bord saħħqet li l-Unjoni Ewropea ta’ spiss iffukat fuq is-suġġett tad-diversità kemm direttament kif ukoll b’mod indirett. Din is-sena, madanakollu, l-Unjoni marret pass iżjed ’il quddiem għaliex qegħda tiffoka fuq is-sitt oqsma ta’ diskriminazzjoni u qegħda tenfasiżża wkoll dik li tissejjaħ diskriminazzjoni multipla, fejn persuna ssofri diskriminazzjoni fuq iktar minn bażi waħda, per eżempju persuna li hija mara u li għandha diżabilità tista’ ssofri diskriminazzjoni fuq żewġ bażi.  

Preżenti wkoll għas-seminar kien hemm Dr. Joanna Drake, Kap tar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow