Left arrow Go Back

L-aqwa festival tal-mużika Ewropea f’Malta …b’udjenza ta’ 130 miljun

PR0901
Date Icon 16/06/2007

Fis-26 ta’ Lulju, fuq il-Fosos tal-Furjana ser ikun organizzat l-‘Isle of MTV – Malta Special’, imfisser bħala l-aqwa festival tal-mużika fl-Ewropa għal dan is-Sajf.  Huwa qal li dan il-festival se jkun organizzat direttament mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura permezz tal-G7, aġenti ta’ l-MTV, u se jkun rigal għall-poplu Malti kollu u l-viżitaturi li jkun hawn fostna.  Għalhekk id-dħul se jkun B’XEJN għal kulħadd. 

Fil-Festival ser jipparteċipaw fost l-aqwa artisti li qatt żaru pajjiżna fosthom Enrique Iglesias, Maroon 5 u Akon. Fil-festival ser jipparteċipaw ukoll artisti Maltin fosthom: Ira Losco u DJs Residenti tal-G7, Toni Toni, Pierre Cordina, Ruby, Miss Roberta, Joseph Armani u JJoy.  

Dan il-festival ser jiġi ffilmjat mill-MTV li ser ittella’ programm speċjali li jixxandar fuq il-kanali televiżivi kollha tal-MTV fl-Ewropa li jilħqu ’l fuq minn 130 miljun persuna.  

“Dan ser ikun għal pajjiżna l-aqwa avveniment mużikali li qatt ġie organizzat  u  li ser jiġbor fost l-aqwa talent barrani u Malti; u ser ikun mezz ta’ promozzjoni għal Malta li bħalu qatt ma kellna qabel. Ser tkun ukoll attività li l-poplu Malti u Għawdxi kollu, kif ukoll l-eluf ta’ turisti li jkunu qed iżuruna f’dawk il-jiem, ikunu jistgħu jsegwu mingħajr ħlas.” 

Dan tennieħ il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda “The Isle of MTV Malta Special”. Hu qal li dan is-sajf għandna l-aktar programm vast ta’ attivitajiet kulturali u mużikali li qatt kellna f’sajf wieħed. Hu qal li dan seta’ jkun possibbli għaliex il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura permezz ta’ l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta, l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u s-settur privat, li qed jingħata kull għajnuna, qed jattira dawn il-manifestazzjonijiet kulturali u mużikali li qed ikunu wkoll suċċess. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li t-turiżmu f’pajjiżna qed ikun dejjem iżjed orjentat lejn attivitajiet mużikali u kulturali u għalhekk Malta kienet qed tieħu isem bħala destinazzjoni fejn wieħed jista’  jsegwi l-kantanti preferiti tiegħu f’ambjent sajfi mill-isbaħ u fi sfond  ta’ storja u kultura. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-indikaturi turistiċi juru li l-isforzi li qed nagħmlu qed jagħtu riżultati pożittivi. Hu qal li minn stħarriġ li sar minn Deloitte għall-MHRA jirriżulta li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena żaru Malta seba’ fil-mija aktar turisti mill-istess perijodu fl-2006. Hu qal li 173,564 turist ġew Malta bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena. Hu qal li dan kien l-ogħla numru ta’ turisti li żaru pajjiżna f’dan il-perjodu fl-aħħar ħames snin. Hu qal li filwaqt li fl-istess tliet xhur in-numru ta’ iljieli li t-turisti għaddew f’Malta kien ta’ 3.5 fil-mija inqas, in-nefqa tat-turisti kienet ta’ 9.9 fil-mija aktar. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li hu jibqa’ konvint li aktar ma’ pajjiżna jsir magħruf għall-avvenimenti kbar li qed ikunu organizzati bl-aktar mod regolari, aktar se nissaħħu bħala destinazzjoni turistika li toffri esperjenza pożittiva u li hi tkun imġedda u moderna. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-festival se jiswa  €400,000 li huma fondi addizzjonali li l-Gvern qed jipprovdi għall-organizazzjoni tiegħu. Barra minhekk il-Gvern ser jonfoq ukoll €300,000 bħala promozzjoni addizjonali favur Malta permezz ta’ riklami fuq l-istess MTV.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow