Left arrow Mur Lura

TWEĠIBA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, LILL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA, L-E.T. IS-SUR JOSÉ MANUEL DURRAO BARROSO – KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI, IL-BELT, VALLETTA – 15 TA’ ĠUNJU 2007

PR0894
Date Icon 15/06/2007

Sur President.

Nixtieq l-ewwelnett nilqgħek fostna u nirringrazzjak tal-preżenza tiegħek. Iż-żjara tiegħek qiegħda sseħħ ftit gimgħat wara li ċċelebrajna flimkien il-ħamsin anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma. Ħamsin sena li huma xhieda ta’ storja ta’ suċċess mibnija fuq il-valuri li welldu l-Unjoni Ewropea – is-solidarjetà, is-sussidjarjetà, ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna, ir-rispett lejn id-drittijiet umani.  

Il-preżenza tiegħek fostna illum takkwista importanza partikolari għal diversi raġunijiet. Din hi l-ewwel żjara ta’ President tal-Kummissjoni minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Hija żjara li qed isseħħ wara tliet snin ta’ sħubija li matulhom pajjiżna kkontribwixxa fit-tisħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea, inkluż it-tkabbir tagħha biex issa laħqet 27 stat membru. Kienu tliet snin ukoll li matulhom użajna r-riżorsi li tqegħdu għad-dispożizzjoni tagħna bil-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea biex insarrfu din is-sħubija f’titjib għall-poplu ta’ dawn il-Ġzejjer tant li llum ninsabu lejliet il-pass l-ieħor importanti u cioe` dak li ningħaqdu maż-żona ta’ l-Ewro.  

Il-Kummissjoni Ewropea hija għalina l-istruttura karatteristika li tagħżel l-Unjoni Ewropea minn kull sistema politika oħra.  Hija għandha d-dritt ta’ l-inizjattiva leġislattiva.  S’issa hija magħmula minn persuna minn kull Stat membru, imma li jaġixxu fl-interess komuni ta’ l-Unjoni.  Fil-pratikka hija l-Kummissjoni li żgurat matul is-snin ir-rispett tal-prinċipju tad-dinjità ndaqs ta’ kull Stat Membru.  Minħabba f’hekk aħna nagħtuk merħba b’tislima speċjali, Sur President. 

Hija merħba li ġejja mingħand poplu Ewropew iżda li għandu dimensjoni Mediterranja li hija ta’ importanza strateġika għall-kontinent Ewropew kollu kemm hu.  Huwa ċar li fil-Mediterran huwa meħtieġ li jinħolqu istituzzjonijiet komuni li fihom ikunu msieħba kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi l-oħra Mediterranji li mhumiex membri ta’ l-Unjoni.  Il-Pjan ta’ Żvilupp Ewro-Mediterranju ġie mfassal mill-Kummissjoni Reġjonali Mediterranja għall-iŻvilupp Sostenibbli, u tressaq fil-laqgħa ta’ egħluq l-għaxar snin mill-Konvenzjoni ta’ Barcellona.  Din kienet l-aktar inizjattiva interessanti ghal-Mediterran, iżda għal diversi raġunijiet ma waslitx biex tagħti ħajja lil dan il-pjan eċċellenti.  Sabiex dan iseħħ, jeħtieġu miżuri oħra, li aħna nixtiequ nsostnu, għall-iżvilupp u l-paċi fir-reġjun u fid-dinja.   

L-istess miżuri se jkunu meħtieġa biex il-pjan għall-politika integrali għall-ibħra, li qed jitfassal bil-gwida tal-Kummissarju Joe Borg, ikun jista’ jkollu l-aħjar implimentazzjoni fil-Mediterran.  Ma rridux nimxu b’għaġġla żejda, imma is-sitwazzjoni fil-Mediterran titlob azzjoni bla dewmien.  Nemmnu li l-immaniġġjar reġjonali konġunt tar-riżorsi tal-baħar, f’qafas Pan-Mediterranju iwassal kemm għall-prosperità reġjonali kif ukoll titijib fil-kompetittività ta’ l-istati individwali.  Nemmnu wkoll li dan iwassal għall-aktar fiduċja u sħubija bejn in-naħat kollha ta’ dan il-baħar.  Aħna impenjati b’risq dan. L-azzjoni f’dan il-qasam tista’ tkun ukoll kontribut importanti ta’ l-Ewropa lejn is-soluzzjoni aħħarija tal-problema tal- Lvant Nofsani.  

F’dan il-kuntest, rrid jiena wkoll nagħmel referenza għall-isfida li pajjiżna qiegħed jiffaċċja quddiema l-mewġa kbira ta’ immigrazzjoni irregolari li issa ilha għaddejja f’dawn l-inħawi għal numru ta’ snin.  

Il-poplu Malti jagħraf it-traġedja ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Is-sajf li għadda aktar mietu nies mgħarrqa waqt li kienu qed jipprovaw jaqsmu mill-Afrika lejn l-Ewropa milli dawk li mietu fil-konflitt fl-istess żmien ġewwa l-Lebanon. Kif għidt int, ħafna minn dawk li jaslu Malta ikunu ġew salvati minn ħalq il-mewt mill-Forzi Armati tagħna. 

Il-politika tal-Gvern Malti hija ċara.  L-ewwel u l-ogħla valur huwa il-ħarsien u r-rispett tad-dinjità ta’ kull bniedem.  Għalina, il-ħajja ta’ kull bniedem hija imprezzabbli u lkoll kemm aħna għandna d-dmir li nħarsuha.  Fuq dan m’hemmx dibattiti. 

Għalhekk aħna nikkumbattu lil dawk il-kriminali li jisfruttaw dawn in-nies biex isiru sinjuri. 

Madanakollu aħna nemmnu li l-valur tas-solidarjetà ma jintweriex biss u esklussivament meta nsalvaw in-nies mill-mewt, iżda jintwera meta dan l-att umanitarju jkompli jilħaq il-milja veru tiegħu billi kull persuna salvata tingħata ħajja dinjituża u li tixirqilha.  Huwa għalhekk li aħna nemmnu u nsostnu li l-isfida u l-missjoni li nagħtu ħajja lil dawn in-nies hija sfida u l-missjoni ta’ l-Ewropa kollha.  

Għalina s-solidarjetà, li timmarka b’mod profond l-identità u l-ideal Ewropew, tfisser li aħna lkoll responsabbli għal xulxin.  Id-dinjità tal-bniedem tiżboq kull fruntiera u separazzjoni li joħloq il-bniedem.  Insostnu li l-Ewropa kollha għandha l-obbligu li tiżgura ħajja diċenti lil dawn in-nies irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż. 

Ma nistax ma naqbilx miegħek, Sur President, li s-soluzzjoni aħħarija tal-problema ma tistax tkun għajr l-iżvilupp ta’ sistema ta’ koperazzjoni Ewro-Afrikana sħiħa.  Il-politika Ewro-Mediterranea li semmejt qabel, tista’ isservi wkoll bħala bażi għall-iżvilupp tal-proġett kbir Ewro-Afrikan fil-kwadru ta’ globalizzazzjoni aktar ekwilibrata. Aħna nemmu wkoll li l-Ewropa għandha l-obbligu li taħdem ma’ l-Afrika b’risq l-iżvilupp veru ta’ dan il-kontinent. Lesti nagħtu wkoll il-kontribut tagħna f’dan il-qasam fl-Unjoni Ewropea. 

Sadattant, Il-Kummissjoni tiegħek innotat li Malta miexja b’passi ħfief imma meqjusa tajjeb lejn il-miri Ewropej bhal m’huma l-Ewro, is-Schengen, kif ukoll l-Agenda ta’ Lisbona.  Fid-diskors tiegħek inti għamilt referenza għall-bżonn li Malta żżid ir-rata tal-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol speċjalment dik tan-nisa. Din kienet u tibqa’ mira ewlenija tal-Gvern tiegħi tant, li ammont sostanzjali mill-Fondi ta’ Koeżjoni li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżna, intużaw proprju biex inkunu nistgħu nilħqu dan l-l-iskop. F’dan ir-rigward, Sur President, jiena ċert li tieħu gost tisma’ li mexjin f’din id-direzzjoni tant illi l-mira kważi ntlaħqet man-nisa taħt il-ħamsa u għoxrin sena. Daqstant ieħor importanti l-fatt li għandna mas-60% ta’ l-istudenti l-Università u 44% ta’ l-istudenti fl-MCAST li huma nisa.  

Dan jawgura tajjeb hafna għal ġejjieni għaliex aħna rridu ekonomija moderna li tirrispondi għall-opportunitajiet ta’ llum, iżda rridu wkoll li jkollna sistemi ta’ appoġġ għal dawk li jridu jsibu l-bilanċ bejn id-dmirijiet fuq il-post tax-xogħol u d-dmirijiet tal-familja. 

Fil-fatt, Malta qegħda fil-proċess li tittrasforma ruħha f’ċentru ta’ l-aqwa kwalità f’oqsma ekonomiċi bħal ma huma l-Informatika, il-Farmaċewtika, is-servizzi finanzjarji, u dawk mediċi u edukattivi, b’rispett sħiħ għall-ambjent kif ukoll f’oqsma soċjali bħal ma huma s-servizzi lill-familja impernjati fuq id-dinjità ta’ kull persuna. 

 Aħna ma nqisux l-impenn tagħna fl-Ewropa bħala wieħed ekonomiku biss imma wkoll, u fuq kollox, bħala mod kif insaħħu u nġeddu il-valuri fundamentali Ewropej li writna l-aktar mid-dinja Griega u Rumana u mir-reliġjonijiet monoteistici li ffjorixxew madwar il-Mediterran. 

Nikkonkludi billi f’isem il-poplu ta’ dawn il-ġżejjer nerga’ ntenni r-ringrazzjament tagħna lilek, President Barroso, għal din iż-żjara filwaqt li ntenni l-impenn tagħna ħalli nagħmlu ħilitna biex dawn il-valuri jibqgħu fil-qalba tal-Mediterran u fil-qalba ta’ l-Ewropa

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow