Nieklu Tajjeb Għal Saħħitna - Flimkien Intejjbu l-Għixien
Illum tnieda dokument li se jiġi mqassam lill-iskejjel kollha u lill-istakeholders f’dan is-settur bl-iskop li lkoll jaħdmu biex jitjieb l-istil ta’ ħajja ta’ l-istudenti u l-familji tagħhom. Il-“Healthy Eating Lifestyle Plan” iħeġġeġ u jgħin lill-iskejjel ifasslu u jwettqu pjan ta’ ħidma sħiħa dwar ikel aktar bnin għall-ħajja aħjar. It-tlett aspetti li jittratta huma l-ambjent ta’ l-iskola, il-kurrikulu ta’ l-iskola kif ukoll x’ikel jidħol ġo l-iskola. F’dan il-pjan, jingħataw linji ta’ gwida biex jitfasslu strateġiji għal kull aspett imsemmi li permess tagħhom kull skola għandha tgħin l-istudenti tagħha jagħżlu stil ta’ ħajja li jassiguralhom livell ta’ saħħa aħjar għall-futur. Kull skola qed tiġi mħeġġa tara sa fejn waslet s’issa u fejn timmira li tasal.
Studju li sar fl-2006 mit-‘Task Force for Appropriate School Nutrition Environments’ (TASNE) li twaqqaf mill-Kunsill tal-Kurrikulu Nazzjonali kif ukoll studji xjentifiċi stabbiliti, jwasslu għal konklużjoni li għażliet ħżiena ta’ kif wieħed jiekol jikkawżaw ħsara fis-snien, ħxuna żejda, djabete, problemi fl-iżvilupp kif ukoll mard ieħor. F’rapport ieħor tal-‘World Health Organisation’ ħareġ li t-tfal Maltin huma minn ta’ quddiem nett fejn tidħol obeżita’ u ħxuna żejda u dan huwa rifless fl-għola rata ta’ mwiet f’Malta li ġejja minn problemi ta’ mard tal-qalb kif ukoll li 10% mill-Maltin ibagħtu minn diabete.
Huwa fatt li parti kbira mill-ispiża tas-saħħa tmur għall-kura ta’ mard relatat ma’ dieta ħażina u għaldaqstant dan iżid fl-importanza ta’ dan id-dokument li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jindirizza din il-problema.
Il-qagħda preżenti turi li 37% mill-iskejjel ta’ Malta u Għawdex għandhom il-pjan ta’ żvilupp tagħhom li jinkludi t-tagħlim dwar ikel għal saħħa aħjar. 32 skola sekondarja u post-sekondarja ta’ l-istat u ħafna skejjel oħra tal-knisja għandhom ‘tuck shop’ li jipprovdi ikel għat-tfal. Il-ħalib jitqassam b’xejn fl-iskejjel primarji ta’ l-istat u fl-iskejjel ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali, waqt li fl-iskejjel kollha hemm aċċess għall-ilma tax-xorb. Dawn l-aspetti flimkien ma’ l-ambjent li fih jieklu t-tfal huma oqsma li bl-għajnuna ta’ dan il-pjan għandhom jitjiebu.
Id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni f’Settembru ta’ l-2006, waqqfet grupp ta’ ħidma (Healthy Eating Lifestyle Plan – HELP) biex jara kif jista’ jwassal lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna jagħżlu stil ta’ ħajja li bih jieklu tajjeb għal saħħithom. F’dawn l-aħħar xhur il-grupp ‘HELP’ kien qed jaħdem fuq pjan biex jtejjeb il-kwalita’ ta’ l-ikel u l-istil ta’ ħajja li twassal għal saħħa aħjar, kif ukoll fuq il-bidliet li hemm bżonn isiru fl-iskejjel u riżorsi oħra li jistgħu jiġu pprovduti biex jitwettaq dan il-pjan. Fid-dokument li ġie imniedi hemm kemm informazzjoni dwar is-saħħa u l-importanza ta’ dieta bilanċjata u bnina kif ukoll riżorsi, materjal edukattiv, kwestjonarji, riċetti u materjal biex l-iskola tkun tista tkejjel l-effettività tal-ħidma tagħha.
“Din hija sfida li għaliha hemm bżonn li l-imsieħba kollha jaħdmu flimkien sabiex dan kollu jseħħ. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ħadmet id f’id ma’ entitajiet oħra b’konsultazzjoni ma’ diversi dipartimenti tad-Diviżjoni tas-Saħħa biex ġie imsawwar dan id-dokument.” Qalet id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg li ħabbret li anki entitajiet privati qed jemmnu f’dan il-proġett tant li l-APS Bank Consult qed joffri għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jsiru korsijiet organizzati mill-Istitut għal Studji Turistiċi (ITS) għal nies li jipprovdu l-ikel fl-iskejjel. “Dan id-dokument għandu jwassal biex flimkien naħdmu sabiex l-istudent tal-lum u l-adulti t’għada ikunu b’saħħithom” temmet tgħid Dr. Borg.
Il-Ministru Deguara qal li kull inizjattiva li tikkontribwixxi biex it-tfal tagħna jitilgħu konxji kemm dieta tajba minn ċkunithom tista’, f’dik li hi saħħa, tissarfilhom f’ħajja ta’ kwalità, itwal, hija ta’ min jinkoraġġiha. Min-naħa tad-Diviżjoni tas-Saħħa saru u qed isiru diversi kampanji li jenfasizzaw fuq il-prevenzjoni bħalha ċ-ċavetta għal ħajja b’saħħitha. Dan l-aħħar waqt konferenza f’Istanbul, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li l-epidemija ta’ l-obeżità ser tkun waħda mill-isfidi li l-pajjiżi kollha jridu jgħelbu. Malta hija fost l-iktar pajjiżi ta’ l-Ewropa li hi maħkuma minn din l-epidemija. “Għalhekk wasal iż-żmien li dawk is-setturi kollha li b’xi mod jinfluwenzaw l-istil ta’ ħajja tat-tfal tagħna sew fl-ikel, fl-ambjent jew fl-isport ipoġġu madwar mejda kemm jista’ jkun malajr u jaraw x’hemm bżonn isir” qal il-Ministru. Imma din l-isfida mhix tal-Gvern biss imma anki tal-ġenituri li b’responsabbiltà għandhom jinfluwenzaw lil uliedhom minn mindu jkunu żgħar fuq stil ta’ ħajja li ma jkunx ta’ dannu għall-saħħithom b’mod partikolari bl-eżempju li jagħtu.
Il-Ministru Galea saħaq fuq l-importanza li f’Malta jkollna pjan ċar biex intejbu il-kwalità ta’ ħajja li l-istudenti tagħna qed jgħixu. Irridu li t-tfal tagħna jkollhom l-aħjar opportunita’ sabiex mill-bidu nett ta’ ħajjithom igawdu livell għoli ta’ saħħa li saħansitra jgħinhom ikunu disponibbli aktar għat-tagħlim. Il-qasam edukattiv għandu wkoll vantaġġ ieħor peress li bis-saħħa ta’ l-istudenti jiġu wkoll involuti l-ġenituri u l-familji tagħhom. “Il-problema tal-ħxuna fuq it-tfal hi waħda serja ħafna u li tħalli riperkussjonijiet kbar fuq l-individwi u l-familji tagħhom. “Il-Gvern qed jieħu din l-problema bis-serjetà ħafna għax jaf kemm din tista xxekkel il-ħajja ta’ dawk affettwati” qal il-Ministru Louis Galea li semma kif il-problema tal-ħxuna żejda mhux biss teffettwa s-saħħa ta’ dak li jkun imma tħalli wkoll effett soċjali negattiv tant li t-tfal li jkollhom piż żejjed ibgħatu aktar minn nuqqas ta’ stima u mill-banda l-oħra hemm ukoll effetti negattivi li jkomplu jaffaċċaw dawn il-persuni tul ħajjithom kemm fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja soċjali tagħhom. Il-Ministru Galea qal li dawn il-problemi jistgħu jiġu megħluba b’tagħlim dwar x’għandna nieklu u l-bżonn ta’ eżerċizju fl-istil ta’ ħajja li nħaddnu u ovvjament billi lkoll nagħmlu l-parti tagħna u nkunu impenjati favur stil ta’ ħajja għal ħajja aħjar.
Il-Ministru Galea qal li f’kollox hemm bżonn il-bilanċ u għalhekk dan il-pjan jitkellem dwar stil ta’ ħajja li jagħmilna aktar b’saħħitna u ma jindirizzax biss il-ħxuna żejda u qal li fl-istess ħin li hawn persuni ibgħatu minn piż żejjed hawn min m’għandux dieta bilanċjata li filwaqt li forsi ma żżidx il-piż tal-persuna xorta tista’ tikkawża problemi ta’ saħħa jew saħansitra twassal għall-kundizzjonijiet bħall-anorexia u l-bolemia li wkoll joħolqu problemi ta’ saħħa. Il-Ministru Galea qal li jemmen li dan id-dokument se jkun wieħed mill-għodda li permess tiegħu il-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni f’Malta issir dejjem aħjar f’kull aspett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966