ĠIEĦ LIL CARAVAGGIO F’BIGHI
Heritage Malta ser torganizza l-kunċert spettakulari ‘Tribute to a Master’ fit-Taqsima tal-Konservazzjoni ta’ l-istess aġenzija f’Bighi nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju.
Claire Baluci ser tagħti kunċert live flimkien ma’ żewġ korijiet, żeffiena u proġetazzjoni spettakolari bil-laser. Dan il-kunċert ta’ sagħtejn u nofs ser jittella’ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed ikunu organizzati biex jitfakkar l-400 anniversarju minn mindu Caravaggio kien Malta.
‘Tribute to a Master’ qed ikun organizzat biex jinġabru fondi għall-konservazzjoni ta’ pitturi ewlenin ta’ ‘Caravaggisti’ bħal Stomer, Cassarino u Valentin.
“400 sena ilu l-famuż pittur Taljan Caravaggio kien Malta fejn qatta’ 17-il xahar li matulhom ġie kkummissjonat biex ipinġi diversi kwadri. L-aktar importanti fost dawn il-kwadri – u jekk ukoll mhux l-aqwa fost ix-xogħlijiet tiegħu – hu l-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista. M’hemmx dubbju li din il-pittura ġibdet l-akbar numru ta’ turisti għaliex hi l-aktar famuża u inċidentalment l-unika waħda li ġiet ffirmata minn Caravaggio.”
Dan tennieh il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-kunċert “Tribute to a Master”. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-belt kapitali tagħna hi llum marbuta ma’ dan il-pittur famuż li irrivoluzzjona l-arti viżiva tal-pittura. Hu qal li f’Malta għandna diversi xogħlijiet tiegħu u li l-parti l-kbira tagħhom jinsabu fil-belt Valletta fejn pittura famuża oħra ta’ Caravaggio hi dik ta’ San Ġilormu miżmuma fil-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien xieraq li pajjiżna jorganizza sensiela ta’ attivitajiet biex titfakkar ġrajja hekk importanti fl-istorja kulturali ta’ Malta u ta’ l-Ewropa. Hu qal li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma tifkira xierqa għal pittur hekk famuż u mezz ta’ promozzjoni għas-settur turistiku Malti.
Il-Ministru Zammit Dimech radd ħajr lil Claire Baluci li kienet ser tagħti dan il-kunċert bl-iskop li Heritage Malta jiġbru fondi għall-konservazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ ‘Caravaggisti’. Hu qal li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna ried jitħares tajjeb biex ngħadduh lil ta’ warajna aħjar milli sibnieh. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan kien jirrikjedi dedikazzjoni, ħidma u fuq kollox investiment qawwi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966