Ippublikat IR-Rapport ta’ Implimentazzjoni għall-Programm ta’ Ħidma Ġunju 2006/2007 - “Miftuħa għan-Negozju”
“Għal darb’oħra qegħdin nippublikaw ir-rapport tal-ħidma li saret mill-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed tul is-sena li għaddiet bejn Ġunju 2006 – 2007. Dan ir-rapport jinħareġ wara li tkun saret ħidma bbażata fuq il-Pjan ta’ Ħidma Ġunju 2006 – Ġunju 2007, li din is-sena kellu t-titlu ta’ “Miftuħa għan-Negozju”. Permezz ta’ din il-ħidma kien hemm koperazzjoni sħiħa bejn id-Dipartimenti u l-Entitajiet kollha li jaħdmu favur in-negozji ż-żgħar u persuni self-employed. Matul din is-sena kompliet il-ħidma tal-Forum għall-Imprenditorija, li huwa ffurmat minn rappreżentanti mill-GRTU, l-FOI, il-Malta Chamber of Commerce and Enterprise, l-MEA, il-Malta Institute for Management u l-MHRA, li taw is-sehem tagħhom biex ġew implimentati l-inizjattivi tal-Pjan ta’ Ħidma.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha tnieda r-rapport ta’ implimentazzjoni “Miftuħa għan-Negozju”, u ta rendikont tal-ħidma tal-Gvern tul is-sena Ġunju 2006/2007 favur in-negozji żgħar u s-self employed.
Fost il-ħidma li saret din is-sena, l-Onor. Vassallo semma:
| 1) | Flimkien mal-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Infrastruttura ġie mniedi l-proġett Kick Start li joffri assistenza lil negozji biex dawn itejjbu s-servizzi ta’ IT tagħhom. |
| 2) | Start-Up Your Business Online – servizz ta’ informazzjoni għall-proċess ta’ ftuħ tan-negozju online. |
| 3) | Ġiet żviluppata web portal sabiex is-service providers bħalma huma tat-taxis, karozzini, burdnara, u lukandiera fil-portijiet ikunu magħrufa. |
| 4) | l-introduzzjoni tat-tagħlim tal-imprenditorija fil-livelli primarji, sekondarji u terzjarji |
| 5) | Tnieda l-patt maż-żgħażagħ dwar it-tagħlim tal-imprenditorija, li jipprovdi assistenza finanzjarja lil kull għaqda li toħroġ b’ideat ta’ proġetti relatati ma’ l-imprenditorija. |
| 6) | Saret ħidma sabiex tingħata identita’ liċ-ċentri kummerċjali fl-ibliet u l-irħula Maltin. |
| 7) | Tnehdiet corporate strategy sabiex l-Malta Enterprise, d-Diviżjoni għall-Kummerċ, il-Bord tal-Koperattivi u l-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jaħdmu aktar viċin ta’ xulxin u jassistu lil negozji żgħar u mikro fil-bżonnijiet tagħhom. |
| 8) | Ġie ippublikat pjan ta’ azzjoni sabiex il-problemi li qegħdin ixekklu n-negozji ż-żgħar jiġu indirizzati mill-Ministeri konċernati. |
| 9) | Sar impenn favur involviment akbar ta’ nisa fin-negozju tal-familja |
| 10) | Introdotti inċentivi fiskali għall-mara jew raġel li t/jaħdem fin-negozju tal-familja. |
| 11) | Flimkien ma’ l-ETC tnedew skemi ta’ għajnuniet finanzjarji għal taħriġ ta’ impjegati taħt l-iskema INT u taħt il-Fondi Soċjali tal-Unjoni Ewropea. |
| 12) | Ingħatat assistenza finanzjarja lil negozji li attendew għal taħriġ relatat ma’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tagħhom taħt il-Fondi Soċjali tal-Unjoni Ewropea. |
| 13) | Taħt il-Fondi Reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea tnedhw skemi ta’ assistenza finanzjarja għal negozji li jixtiequ jibdew jesportaw u jidħlu fi swieq ġodda barra minn Malta. |
| 14) | Taħt il-Fondi Reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea tnedew skemi ta’ assistenza finanzjarja għal negozji li jixtiequ itejjbu l-operat tagħhom permezz ta’ xiri ta’ makkinarju speċjalizzat. |
| 15) | Flimkien mal-Malta Enterprise, ipprovdejna assistenza finanzjarja għal negozji fil-qasam ta’ food processing sabiex jigu konformi ma’ regolamenti tal-Unjoni Ewropea. |
| 16) | Flimkien mal-Malta Enterprise, ġiet provduta assistenza finanzjarja għal negozji sabiex itejjbu l-operat tagħhom. |
| 17) | Flimkien ma’ l-MTA ingħatat asssistenza finanzjarja lil stabilimenti turistiċi |
| 18) | Ġie mniedi il-BOV Micro Finance Package Scheme li jipprovdi self preferenzjali lil negozji promettenti. |
| 19) | Tingħata assistenza finanzjarja u loġistika taħt il-Business Promotion Act għal negozji innovattivi u li jħallu valur miżjud għal Malta. |
| 20) | Qed tiġi provduta assistenza taħt il-Business Incubation Centre lil negozji innovattivi. |
| 21) | Qed issir ħidma sabiex in-Negozji Żgħar u Self Employed Maltin jitpoġġew fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Dan qed isir permezz ta’ l-Implimentazzjoni taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji Żgħar. |
| 22) | Qed issir ħidma flimkien mal-Malta Enterprise sabiex ikunu imwaqqfa export houses li jgħinu negozji żgħar ibiegħu l-oġġetti tagħhom fi swieq internazzjonali. |
| 23) | Flimkien ma’ network ta’ konsulenti li qed jaħdmu mal-Gvern ġie imwaqqaf uffiċju ta’ konsulenza b’xejn fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għal konsulenza fuq proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea. |
| 24) | Qed issir ħidma sabiex ikun imtejjeb l-marketing fil-qasam ta’ Crafts Tourism. Ġie maħdum itinerarju turistiku sabiex jippromwovi l-kultura taċ-ċeramika f’Malta. |
| 25) | Flimkien mal-Malta Enterprise ġiet imnieda assistenza għal negozji sabiex ikun hemm network brokerage, u b’hekk il-kunċett ta’ clustering ikun promoss għal għanijiet ta’ esportazzjoni. |
| 26) | Qed issir ħidma favur l-ewwel forom ta’ clustering loġistiku fost negozji ta’ l-istess ġeneru, b’mod partikolari għal dawk in-negozji li jinsabu fl-istess żona industriali. |
| 27) | Ġie mwaqqaf Steering Action Committee ‘Design Malta’ sabiex tiġi mogħtija importanza akbar lill-użu tad-disinn sabiex negozji jakkwistaw vantaġġ kompetittiv. Dan il-kumitat għandu r-rwol li jipprovdi assistenza lil negozji sabiex ikunu aktar innovattivi f’dan il-qasam. |
| 28) | Bdiet ħidma intensiva bejn il-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministeru tal-Agrikoltura, id-Dwana, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, id-Dipartiment tal-VAT u l-NSO sabiex ikun hemm deterrent b’penali kontra min jagħmel kummerċ illiċitu. Il-Kummerċ illiċitu qed joħloq kompetizzjoni inġusta u għal dan il-għan dawn l-entitajiet kollha qed iġibu r-riżorsi tagħhom flimkien sabiex jitnaqqas il-kummerċ illiċitu kemm jista’ ikun possibli. |
| 29) | Xogħol Infrastrutturali fiż-żona industrijali tal-Ħandaq: |
· Inbnew 11-il triq ġdida b’investiment li qabes il-LM500,000 (€1,164,686)
· inbnew mal- 4 kilometri ta’ bankini ġodda
· bħala upgrading tas-sistema ta’ l-istreet lighting, ġew installati mal-35 bozza ġdida
30) Xogħol Infrastrutturali fiż-Żona Industrijali ta’ Tarġa Gap u ta’ Sriedak fil-Mosta:
· inbnew 13-il triq ġdida b’investiment li qabez il-LM380,000 (€885,161)
· inbnew mat-3 kilometri tul ta’ bankini ġodda
· tpoġġew maż-żewġ kilometri tul ta’ service culverts
· ġew installati mal-580 metru tul ta’ servizzi ġodda tal-ilma u dranaġġ
· Inbniet electrical substation ġdida bi spiża ta’ LM35,000 (€81,538)
· Inbniet pompa tad-dranaġġ ġdida fi triq Arthur Borton, proġett ta’ investiment li sewa lil Gvern xejn inqas minn LM20,000 (€46,587)
· bħala upgrading tas-sistema ta’ l-istreetlighting, ġew installati mal 15-il bozza ġdida
31) Xogħol Infrastrutturali ġewwa ż-Żona Industrijali ta’ l-Imrieħel:
· inbnew 25 triq ġdida b’investiment li qabes il-LM920,000 (€2,143,023)
· inbnew mal- 4,620 metri tul ta’ bankini ġodda
· tpoġġew mal- 2,330 metru tul ta’ service culverts, proġett li sewa lill-Gvern is-somma ta’ LM182,000 (€423,945).
· Ġew installati servizzi ġodda tal-ilma u dranaġġ lil ta’ l-inqas 231 negozju, bi spiża ta’ ‘l fuq minn LM51,000 (€118,798).
· B’investiment ta’ LM55,000 (€128,115) twettaq proġett għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fi Triq il-Mitħna.
32) Xogħol Infrastrutturali ġewwa ż-Żona Semi-Industrijali ta’ Ħaż-Żebbuġ:
· Ġew mibnija 7 toroq ġodda b’investiment li qabes il LM350,000 (815,280)
· Ġew installati servizzi ġodda tal-ilma u dranaġġ
· Sar xogħol infrastrutturali u organiżazzjoni fil-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat ta’ Ta’ Qali
· Fuq bażi regolari qed jiġi organizzat is-servizz ta’ indafa fiż-żona minħabba illegal dumping
· Fuq bażi regolari ukoll qed jingħata servizz ta’ qtugħ ta’ ħaxix ħażin.
· Twaħħlu 5 tabelli kbar indikattivi f’kull entratura tal-villaġġ.
· Fuq inizzjattiva ta’ l-istess Segretarjat tpoġġew mat-30 tabella ġdida.
33) Aktar Organiżazzjoni fil-Villaġġ ta’l-Artiġjanat ta’ Ta’ Dbieġi f’Għawdex:
· Sar il-ftuħ uffiċċjali tal-villaġġ wara li dan l-istess villaġġ ingħata facelift, bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Fondi Reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea bi spiża ta’ madwar LM80,000 (€186,349).
· Ġiet solvuta il-problema tal-ftuħ u l-għeluq tal-public convenience tal-villaġġ.
· Ġie installat aktar dawl fil-passaġġi ta’ bejn in-negozji li nsibu fil-villaġġ.
· Ġie ffirmat Memorandum of Understanding mal-Kunsill Lokali ta’ l-Għarb sabiex il-villaġġ jingħata marketing aħjar.
· B’koordinament sħiħ mal iSmallBusiness Directorate fi ħdan il-Malta Enterprise qed jitkompla il-proċess ta’ allokazzjonijiet ġodda.
34) Xogħol Infrastrutturali fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal-Luqa u Ħal-Farruġ:
· Bdew jitwaqqgħu binjiet li kienu fi stat perikoluż sabiex issa fuq l-istess siti jkunu jistgħu jinħarġu il-permessi għal binjiet ġodda.
· Beda programm intensiv ta’ tindif ta’ illegal dumping li kien jinsab mifrux maż-żona kollha.
35) Xogħol Infrastrutturali fiż-Żona Industrijali ta’ Ħ’Attard:
· F’din iż-żona industrijali nsibu mat-18-il negozju joperaw u li bejniethom dawn iħaddmu mal-183 impjieg.
· Twaħħlu 28 bozza ġdida bħala parti minn upgrading tas-sistema ta’ l-istreetlighting taż-żona industrijali.
· Bdiet tingħata attenzjoni speċjali fuq l-istat tal-indafa taż-żona
· Twaħħlu żewġ tabelli kbar li jagħtu identifikazzjoni liż-Żona Industrijali.
36) Direttorji għaż-Żoni Industrijali tal-Ħandaq, il-Mosta, l-iMrieħel, Ħal-Luqa, Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ
· Eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mingħand it-tenants kollha li jinsabu jaħdmu bħalissa minn ġewwa ż-żoni industrijali sabiex titjieb il-komunikazzjoni, bejn il-Gvern u l-istess sidien tan-negozji.
· Eżerċizzju ta’ organiżazzjoni ta’ żoni industrijali permezz ta’ toroq u sinjali tat-traffiku.
· Ġew installati tabelli li jagħtu identifikazzjoni liż-żona industrijali
| 37) | Sar xogħol ta’ tindif ġewwa ż-żoni industrijali tal-Ħandaq, il-Mosta, Ħal-Luqa, Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ |
| 38) | Sar xogħol ta’ konsultazzjoni u ppjanar għall-Bini ta’ villaġġ ġdid ta’ l-Artiġjanat f’Ta’ Qali |
· Ġew iffirmati mad-90 konvenju bejn l-istess sidien ta’ negozji u d-Dipartiment ta’ l-Artijiet.
· Ġie propost disinn, u tlestew il-pjanti kollha sabiex jinbena il-villaġġ il-ġdid, fuq l-istess firxa ta’ art eżistenti ta’ madwar 75 tomna.
· Il-proġett bil-pjanti aġġustati u mifthema ma’ l-istess sidien, ġie sottomess lil MEPA u fil-fatt inħareġ il-permess tal-iżvilupp.
· Fil-proġett hekk kif ġie approvat insibu:
¨ 85 binjiet ġodda għal sidien ta’ negozju li jimmanifatturaw artiġjanat
¨ 5 binjiet eżistenti ta’ negozji li ser jitħallew jibqgħu joperaw kif inhuma bħalissa, mingħajr ma jitwaqqgħu.
¨ 2 binjiet li ser ikunu allokati sabiex joperaw bħala canteens
¨ 2 public conveniences
¨ 1 electrical substation ġdida
¨ binja li ser isservi bħala incubation centre
· Dan huwa proġett ambizzjuz li ser jiswa lil Gvern xejn inqas minn LM8,000,000, (€18,634,987), investiment li ser jiggarantixxi ma’ l-400 impjieg, u li ser iservi bħala attrazzjoni turistika fih nnifisu.
39) Inizjattiva sabiex jinħarġu permessi għal 6 siti industrijali ġodda b’kapaċita li jiġu żviluppati mal-400 spazju industrijali:
· B’riżultat li ġie approvat il-partial review ta’ l-istructureplan mill-Parlament sabiex sitt siti jingħataw permess għall-iżvilupp u fuqhom jinbnew industrial parks għal negozji żgħar, irnexxielna noħolqu potenzjal għal 400 spazju ġdid. Dawn is siti huma: Ħal-Għaxaq -Santu Kristu, In-Naxxar – t’Alla w’Ommu, l-iMġarr – tal-Ballut, Ħaż-Żabbar – ta’ Maġġi, il-Mellieħa, u x-Xewkija Għawdex.
· Applikazzjonjiet quddiem il-MEPA: Ġew identifikati is-siti, intlaħaq ftehim mas-sidien privati, ġiet ippreparata d-dokumentazzjoni kollha neċessarja, tfasslu rapporti dettaljati, ġew sottomessi il-pjanti kollha lill-MEPA, u issa kollox hu lest sabiex joħroġ il-permess, u jibda il-proċess ta’ kostruzzjoni.
· 80 tommna art: B’kollox f’dawn is-sitt siti nsibu mat-80 tomna art, li meta jiġu żviluppati b’investiment ta’ madwar LM10,000,000 (€23,293,734) ser ikunu qed jilqaw ġo fihom ma’ l-1,500 impjieg.
40) 300 sid ta’ negozju ipparteċipaw fi programmi iffinanzjati mill-proġetti tal-Unjoni Ewropea:
· Fost il-parteċipanti li ħadu sehem fil programmi ta’ Leonardo da Vinci u Interreg, u li fil-fatt kollha kemm huma siefru u qasmu l-esperjenzi tagħhom ma’ sidien ta’ negozji f’pajjiżi oħra, kien hemm mas-27 mastrudaxxa, 19 il-negozju fl-inġinerijja,14 il-negozju mis-sezzjoni tal food & beverages, 16 il-negozju tal-ħwejjeġ, 8 boatbuilders, 45 ċeramista u lukandiera żgħar, 8 imprendituri mill-qasam tal-informazzjoni teknoloġika, 17 il-negozju li jimmanifatturaw xogħol bl-aluminium, 20 bidwi, 15-il beautician, 20 bejjiegħ tal-laħam, 50 student mill-MCAST.
| 41) | Ġie imniedi l-Netwerk għal Aċċess aħjar ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li jġib flimkien il-konsulenti li jistgħu jgħinu lil negozji żgħar u persuni self-employed biex dawn jibbenefikaw minn proġetti tal-Unjoni Ewropea. |
| 42) | Ġew maħtura 43 kunsilliera responsabbli mill-attivita Kummerċjali fil-lokalitajiet rispettivi sabiex tingħata aktar importanza lill-attivita kummerċjali ġewwa l-ibliet u l-irħula Maltin. |
| 43) | Ġie ippubblikat u mqassam fuljett informattiv: Branding our Commercial Centres in Mata & Gozo. Dan sabiex inħeġġu konsum akbar u infurmat mit-turisti li jiġu Malta. |
| 44) | Għall-ewwel darba ġiet organizzata attivita b’attrazzjonijiet speċjali fil-Mosta, fejn il-ħwienet fiċ-ċentru tar-raħal setgħu jibqgħu miftuħin għall-pubbliku, u b’hekk żdiedet l-attivita kummerċjali. |
| 45) | Ġew issimplifikati l-formularji li wieħed ikollu bżonn għal applikazzjoni ta’ permessi għan-negozju. Illum insibu numru rekord ta’ ‘l fuq minn 6,805 liċenzja ta’ negozju |
| 46) | Qed issir ħidma sabiex il-liċenzi tan-negozju ser jibdew joħorġu fi żmien 10 t’ijiem. |
| 47) | Ġie issimplifikat il-proċess sabiex tinħareġ il-liċenzja tan-negozju lil dawk kollha li joperaw jew li jkunu ser jibdew joperaw minn ġewwa żona industrijali. |
| 48) | Ġie imtawwal il-perjodu li fih negozji jistgħu jibqgħu miftuħin fil-ġranet relatati mal-Milied. Dan il-perjodu issa ġie imtawwal għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru sabiex jistimola aktar kummerċ. |
| 49) | Biex jitkompla t-tnaqqis tal-burokrazija twaqqfet il-Better Regulation Unit fi ħdan il-Management Efficiency Unit. |
| 50) | Ġie imniedi in-National Entrepreneurship Programme sabiex tiddaħħal mentalita impredintorjali fost iż-żgħażagħ Maltin. Din qed tagħmel Impact Assessment fuq id-direttivi kollha qabel dawn jiġu implimentati. |
| 51) | B’riżultat tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn is-Segretarjat u l-MCAST, qed isiru laqgħat fl-istituti kollha tal-MCAST sabiex żgħażagħ ikunu mgħejjuna jibdew jikkumerċjalizzaw l-ideat u l-ħiliet tagħhom. |
| 52) | Sar l-ewwel ‘Tracer Study’ għal 2,483 student li spiċċaw mill-MCAST sabiex jiġi magħruf kemm minn dawn l-istudenti li temmew l-istudji tagħhom fetħu in-negozju tagħhom. |
| 53) | Ġiet imsaħħa l-ħidma fil-qasam edukattiv ta’ l-imprenditorija b’sinerġija ma’ Scoops, Young Enterprise, Start-Up Malta, AIESEC u SIFE. |
| 54) | Ġie ippublikat il-ktejjeb ‘Mistoqsija u Risposta fil-proċess ta’ ftuh ta’ Negozju’ sabiex ikun ta’ għajnuna għal kull min irid jiftaħ in-negozju tiegħu. |
| 55) | Ġew organizzati tlett korsijiet fl-imprenditorija. F’dawn it-tlett korsijiet, li tnejn minnhom inżammu f’Malta filwaqt li l-ieħor inżamm f’Għawdex, ġew diskussi xejn inqas minn għaxar suġġetti mifruxa fuq ħames ġimgħat. Il-korsijiet inżammu f’diversi Kusilli Lokali mifruxa f’Mata u Għawdex u għalihom attendew ‘il fuq minn 56 student (42 f’Malta, u 14 f’Għawdex). |
| 56) | Ġie imwaqqaf il-Forum għall-Imprenditorija li jġib flimkien lill-Gvern, lil assoċjazzjoijiet tan-negozju, lis-settur privat, u għaqdiet taż-żgħażagħ sabiex il-politika tal-Gvern titfassal fuq bażi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati. |
| 57) | Ġew imnedija skemi ta’ inċentivi minn banek kummerċjali, indirizzati għal sidien ta’ negozji żgħar, fost dawn ta’ min wieħed isemmi il BOV Micro-Financing Packages. |
58) Kompliet tiġi aġġornata il-website www.smemalta.com li tipprovdi informazzjoni utli rigward iż-żoni industrijali u toffri il-faċilita sabiex negozji ġewwa żoni industrijali ikunu jistgħu jippromwovi is-servizzi u l-prodotti tagħhom aħjar.
| 59) | Flimkien ma’ l-iSmallBusiness and Crafts Directorate, inżamm kuntatt kontinwu ma’ għaqdiet u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem. |
| 60) | Is-Segretarjat, flimkien ma’ sidien ta’ negozji żgħar u persuni self-employed f’żoni industrijali regolarment jippubblika gazzetta informattiva ‘Ħidmitna’, u li din barra li titqassam fl-istess żoni industrijali, f’okkazzjonijiet speċifiċi tqassmet ukoll f’lokalitajiet differenti, fil-viċinanzi tal-istess żoni industrijali. |
| 61) | Sar eżerċizzju kumplikat sabiex b’konsultazzjoni sħiħa ma’ kunsilli lokali għall-ewwel darba ġew organizzati u sistemati numru ta’ swieq fil-beraħ. |
| 62) | Kompliet tiġi ippubblikata fuq bażi regolari il-lista ta’ bejjiegħa tal-monti fil-Gazzetta tal-Gvern. |
| 63) | S’issa ġew organizzati is-swieq fil-beraħ ta’ 14-il lokalita, li huma: Biżebbuġia, Birkirkara, Bormla / Birgu, Luqa, Mosta, Naxxar, Paola, Qormi, Rabat, Siġġiewi, Sliema, Attard, Żebbuġ u Żejtun. |
| 64) | B’dan l-eżerċizzju ta’ organiżazzjoni il-Gvern iggarantixxa l-impjieg ta’ kull min kien jopera bħala market hawker, li sa ftit tas-snin ilu ma kellux din il-garanzija legali. |
| 65) | B’kollox insibu 479 li għandhom liċenzja ta’ market hawkers, iżda l-akbar numru ta’ market hawkers li nsibu joperaw fl-istess ħin f’lokalita waħda huma fil-monti ta’ Bormla / Birgu, fejn insibu 389 bejjiegħ, filwaqt li l-iżgħar suq fil-beraħ insibuh f’ Tas-Sliema, b’ 7 bejjiegħa. |
| 66) | Tnediet il-kampanja ‘Kwalita’ aħjar għalik’, fejn fiha appellajna lil sidien ta’ negozji żgħar sabiex jassiguraw li joffru lil konsumatur prodott u servizz ta’ kwalita’. |
“Dmir is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed huwa li jixpruna l-koperazzjoni u tkun żviluppata l-ħidma tal-Gvern li permezz tagħha jkun faċilitat in-negozju f’pajjiżna. Dawn is-66 eżempju ta’ ħidma li twettqet, ibbażata fuq il-Pjan ta’ Ħidma, jindikaw kemm il-ħidma tal-Gvern kienet mifruxa fost diversi setturi kummerċjali. Kienet din il-ħidma li għenet biex fil-qasam edukattiv ġie introdott it-taħriġ fl-imprenditorija fil-qasam ukoll primarju, inżammet konsultazzjoni kontinwa li tat prova tad-disponibbilita’ tal-Gvern li jiltaqa’ u jkun qrib persuni self-employed, u sidien ta’ negozji żgħar. Il-ħidma li twettqet biex iż-żoni industrijali jinżammu f’kundizzjoni ta’ infrastruttura tajba, għenet direttament biex tiggarantixxi mat-3,000 impjieg ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ numru ta’ negozji żgħar.
“Fil-ħidma biex titneħħa l-burokrazija żejda, is-Segretarjat żamm konsultazzjoni bejn diversi setturi ta’ negozji u entitajiet governattivi, bil-ħsieb li numru ta’ regolamenti li ħarġu jkunu kemm jista’ jkun business-friendly. L-aktar deċiżjoni importanti li ttieħdet kienet li l-liċenzji tan-negozju maħruġa mit-Trade Licensing Unit ser jibdew jinħarġu fi żmien għaxart ijiem miż-żmien ta’ l-applikazzjoni” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Fit-tmiem tal-konferenza, s-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-organizazzjonijiet tan-negozju li ħadmu flimkien mas-Segretarjat Parlamentari u awgura li din il-ħidma tkompli tkattar il-frott. Huwa awgura li l-entitajiet kollha konċernati jiltaqgħu nhar it-tlieta 19 ta’ Ġunju fil-konferenza nazzjonali li fiha ser tiġi diskussa din il-ħidma, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu flimkien u jagħtu s-suġġeriment tagħhom biex il-ħidma tal-Gvern tkompli titjieb.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966