Il-Ministru Dolores Cristina tattendi konferenza ewropea dwar l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità
L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, ipparteċipat f’konferenza ewropea dwar l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità organizzata mill-Presidenza Ġermaniża ta’ l-Unjoni Ewropea.
Din il-konferenza, li seħħet fil-11 u t-12 ta’ Ġunju f’Berlin, iffukat fuq l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità. Hu stmat li hawn 650 miljun persuna b’diżabilità madwar id-dinja, li 50 miljun minnhom jgħixu fl-Ewropa.
Il-prioritajiet ta’ din il-konferenza ġew stabbiliti skond il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Din il-Konvenzjoni kienet l-ewwel waħda li tittratta d-drittijiet tal-bniedem li ġiet iffirmata mis-sena 2000 ‘l hawn u huma aktar minn 100 pajjiż li diġà ffirmawha, inkluża Malta. Dan hekk kif din is-sena taħbat ukoll is-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd. Huwa mistenni li din il-Konvenzjoni tkompli tgħin lill-iStati Membri biex itejbu l-leġiżlazzjoni preżenti u l-kundizzjonijiet għall-persuni b’diżabilità.
Il-konferenza ffukat fuq tlett punti prinċipali: l-edukazzjoni, l-impjieg, u xkiel għall-opportunitajiet indaqs. Mid-diskussjonijiet ħareġ ċar li, għalkemm hemm qbil dwar x’hemm bżonn li jsir f’dawn l-oqsma, il-prattika tvarja ferm bejn il-pajjiżi. Per eżempju, f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni inklużiva, Malta għandha sistema wiesgħa u effettiva li fil-fatt tara 87% tat-tfal b’diżabilità jattendu fl-iskejjel regolari. Dan m’hux il-każ f’ħafna mill-pajjiżi l-oħra.
Waqt il-laqgħa nformali għall-ministri responsabbli mill-qasam tad-diżabilità li saret nhar it-Tnejn li għadda, kien hemm qbil li ladarba l-Unjoni Ewropea kienet fuq quddiem nett fil-kitba ta’ din il-Konvenzjoni, hija għandha tisħaq ma’ l-iStati Membri kollha biex huma jirratifikaw u jimplimentaw din il-Konvenzjoni. Kien hemm ukoll ftehim li permezz ta’ kollaborazzjoni stretta bejn l-iStati Membri, il-Komunità Ewropea, u s-Soċjetà Ċivili (li kienet attiva ħafna fil-kitba tal-Konvenzjoni) jista’ jsir xogħol koerenti u koordinat biex nilħqu l-implimentazzjoni fuq livell Ewropew. Malta, bħal Stati Membri oħra, iffirmat il-Konvenzjoni u issa jmiss li jiġi studjat x’meħtieġ isir fuq livell leġislattiv biex il-liġi Maltija tkun konforma mal-Konvenzjoni.
Il-Ministru Cristina tkellmet dwar il-passi li Malta qed tieħu f’dan ir-rigward. Fost affarjiet oħra nsibu dak li jirrigwarda l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni li jitkellem dwar l-għarfien ugwali quddiem il-liġi, inkluż “l-eżerċizzju tal-kapaċità legali” (“the exercise of legal capacity”). Jista’ jagħti l-każ li numru ta’ persuni b’diżabilità, partikolarment dawk b’nuqqasijiet intellettwali jew bi problemi ta’ saħħa mentali, ma jkunux jistgħu jeżerċitaw din il-kapaċità legali għal perjodu ta’ żmien. Il-Ministru għalhekk spjegat li Malta diġà qed taħdem fuq leġiżlazzjoni importanti ferm fuq dan il-punt, il-Guardianship Act.
Il-Ministru Cristina kellha wkoll l-opportunità tiddiskuti l-qasam tad-diżabilità mas-Segretarju ta’ l-iStat Portugiż għar-Riabilitazzjoni, Idàlia Maria Salvador Serrão de Menezes Moniz. Fl-1 ta’ Lulju l-Presidenza Ewropea tgħaddi għand il-Portugall li kkometta ruħu li wieħed mill-oqsma li ser jiffoka fuqu waqt il-Presidenza tiegħu ser ikun proprju dak tad-diżabilità.
Flimkien mal-Ministru Cristina attendew għal din il-konferenza s-Sur Alfred Bezzina, Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, u s-Sur George Borg, Koordinatur tan-Network dwar Edukazzjoni Inklużiva u Speċjali fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjieg.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966