Il-Ministru tal-Edukazzjoni Louis Galea jwieġeb lill-Kap ta’ l-Oppozizzjoni
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr Alfred Sant, dalgħodu irreaġixxa f’Konferenza Stampa għall-istqarrija li għamilt jien il-bieraħ fil-Parlament.
Kien ikun wisq aktar aħjar kieku l-Kap ta’ l-Oppozizzjoni kien preżenti fil-Parlament kif kien id-dmir tiegħu, biex mhux biss jirreaġixxi dak il-ħin stess għall-istqarrija tiegħi, iżda wkoll biex nagħtih tweġiba għal kull punt li deherlu li seta` jqanqal dak il-ħin stess.
Il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni tkellem dwar żewġ każi mqanqlin mill-Oppozizzjoni, wieħed ta’ l-Awżiljarji aktar minn ħmistax-il sena ilu, u l-ieħor ta’ l-FTS, aktar minn erbgħa snin ilu.
Dwar il-każ ta’ l-Awziljarji, l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tiegħi ġew investigati bir-reqqa kollha u l-konkluzjoni kienet li ma kien hemm lanqas l-iċken ħjiel ta’ korruzzjoni. Tant hu hekk li fis-sentejn ta’ Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998, il-Prim Ministru ta’ dak iz-zmien l-Onor. Alfred Sant, minkejja li għamel ħiltu kollha biex isib ma x’hiex iqabbad dufrejh, ma rnexxielu jsib lanqas l-iċken biċċa prova biex jissostanzja l-kampanja ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħi. Infatti l-Gvern ta’ Dr Alfred Sant ma ħa l-ebda passi, la fil-konfront tiegħi u lanqas fil-konfront ta’ xi persuna oħra imsemmija fil-kampanja ta’ allegazzjonijiet tal-Partit Laburista qabel l-1996.
Anke dwar l-FTS, ir-rapporti li jsemmi l-Kap ta’ l-Oppozizzjoni juru biċ-ċar li jien ma wettaqt l-ebda irregolarità, abbuż jew korruzzjoni. Kuntrarjament għal dak li qed jgħid il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, il-fatti juru li mhux veru li l-kuntratti mogħtija skond il-liġi u r-regolamenti finanzjarji mill-FTS ingħataw b’xi preferenza jew b’xi esklużjoni lil kuntratturi li jiġu mill-kostitwenza tiegħi. Dan hu konfermat mil-lista li l-bieraħ tajt fil-Parlament għas-snin 2005 -2007, u mil-lista li issa qed nehmeż ukoll għas-snin 2001 - 2004.
Dwar l-allegazzjonijiet kollha li l-Oppożizzjoni u l-Partit Laburista għamel fil-konfront tiegħi tul is-snin, jien weġibt kull darba u bid-dettal tal-fatti, u fejn ħassejtni inġurjat, jien ħadt il-passi bil-Qorti. F’kull każ il-Kap tal-Oppozizzjoni Laburista, jew il-media tiegħu, instabu ħatja ta’ inġurja u libel; u ġew immultati eluf ta’ liri f’danni. Minkejja dan kollu, l-Kap ta’ l-Oppozizzjoni Dr. Alfred Sant jippersisti fil-kampanja politikament diżonesta ta’ allegazzjonijiet infondati. Il-fatti juru wkoll li qatt daqs taħt il-Gvern Nazzjonalista, ma twettqu miżuri li jġibu u jtejjbu t-trasparenza, l-kontabilità u l-effiċjenza.
Indipendentement minn dan kollu, l-punt prinċipali ta’ l-istqarrija tiegħi fil-Parlament kien jirrigwarda l-ħtieġa ta’ diskussjoni oġġettiva u serja fuq il-proposti tal-Gvern li hemm fl-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li għadu kif ġie pubblikat.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966