Taħriġ fil-Computers għall-anzjani
L-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ u l-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ nhedew kors ta’ taħrig fil-Computer għall-anzjani li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum.
L-Onor D’Amato qalet: “Ħassejna l-ħtiega li nintroduċu dawn il-korsijiet għaliex jidhrilna li l-anzjani għandhom ukoll isiru aktar midħla ta’ dan il-meżż ġdid ta’ komunikazzjoni li kull ma jmur qed dejjem jinfluwenza l-istil tal-ħajja tagħna. Il-kompjuter illum joffri lil kulħadd l-opportunita’ li, mill-kumdita’ ta’ daru, jaċċessja numru ta’ servizzi, bħal dawk governattivi, bankarji u anke kummerċjali. Barra minn hekk din it-teknoloġija sservi wkoll bħala mezz ta’ komunikazzjoni u allura għandha tgħin l-anzjani tagħna biex iżommu kuntatt mal-familjari tagħhom, kemm dawk li jgħixu Malta, kif ukoll dawk li qegħdin barra minn xtutna. L-anzjani wrew interess f’dawn il-korsijiet, u sa issa diġa hemm il-fuq minn 300-il anzjan li applikaw għal dawn il-korsijiet. Dawn il-korsijiet huma l-ewwel pass ta’ proċess li fih iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum se jiġu attrezzati b’kompjuters kollegati mal-internet biex jiffacilitaw l-aċċess għal min m’għandux dan is-servizz fir-residenza tiegħu.
Il-korsijiet qed jingħataw bla ħlas lill-anzjani li jattendu ċ-Ċentri kollha ta’ Matul il-Jum. Bħalissa hawn 16-il ċentru ta’ Matul il-Jum mxerrda madwar Malta.”
L-Onor. D’Amato spjegat kif ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum evolvew tul dawn l-aħħar tnax il-sena. Hija qalet, li mindu nfetħu l-ewwel Ċentri ta’ Matul il-Jum f’l995 dawn iċ-Ċentri evolvew minn Ċentri soċjali, fejn l-anzjani kienu jiltaqgħu sabiex jissoċjalizzaw u jgħaddu l-ħin flimkien permezz ta’ diversi attivitajiet, għal ċentri fejn l-anzjani jiġu mogħtija diversi servizzi oħra u issa anke korsijiet tal-computer. L-Onor D’Amato qalet li korsijiet bħal dawn jgħinu sabiex l-anzjani jżommu ruħhom aġġornati u attivi.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Louis Deguara qal li fejn sa ftit snin ilu l-anzjani kienu jirrassenjaw ruħhom għall-anzjanità, illum qegħdin jgħixu ħajja attiva li taghtihom sodisfazzjon u skop fil-ħajja. Min qatt kien joħlom li l-anzjani jingħataw taħriġ fit-teknoloġija? Dawn il-korsijiet barra li jagħtu ħiliet ġodda lill-anzjani jiftħulhom orizzonti ġodda biex jibqgħu aġġornati fuq dak li qiegħed jiġri mhux biss madwarhom imma fid-dinja kollha.
“Lill-anzjani qegħdin intuhom l-opportunità li dak li ma għamlux s’issa minħabba ċirkostanzi varji f’ħajjithom issa se jkollhom opportunità li jesperjenzaw dinja ġdida. L-informazzjoni teknoloġika illum saret għodda indispensbbli f’idejn kull individwu indipendentement mill-età. Illum ħafna servizzi tal-gvern huma ‘on-line’ u għalhekk dawk l-anzjani li se jagħmlu dawn il-korsijiet se jkollhom dawn is-servizzi aktar aċċessibbli u jiffrankalhom ħafna ġiri u wġiegħ ta’ ras. Dan is-servizz huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ servizzi li l-gvern issa ilu għal diversi snin joffri lill-anzjani, liema servizzi kollha jtejjbu l-kwalità tal-ħajja.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966