Peer Review – iċ-Ċentru AĊĊESS
Id-Direttorat għall-Iżvilupp ta’ Policies u l-Implimentazzjoni ta’ Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea qed iniedu Peer Review f’Malta nhar it-12 u t-13 ta’ Ġunju 2007.
Peer Review huwa seminar ta’ jumejn fejn delegati minn diversi Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jiltaqgħu biex jiddiskutu eżempji ta’ prattika tajba. Il-Peer Review li qed isir Malta u li fih qed jipparteċipaw rappreżentanti minn seba’ stati membri differenti flimkien ma’ parteċipanti Maltin qed jittratta l-proġett AĊĊESS li jinsab fil-Kottonera u qed jiffoka b’mod partikolari fuq it-tfal u l-familji.
AĊĊESS ġie identifikat bħala eżempju ta’ prattika tajba minħabba li jipprovdi servizz sħiħ li huwa ffukat fuq il-bżonnijiet attwali tan-nies tal-lokalità. AĊĊESS, li ġie inawgurat f’Novembru, 2002, jista’ jitqies bħala servizz ġdid peress li jiġbor fi ħdanu numru ta’ entitajiet li joffru servizzi soċjali, bħall-Aġenzija Appoġġ, Smarts Kids, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, iċ-Ċentri għat-Taħriġ ta’ l-Adulti, l-Awtorità tad-Djar, u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
AĊĊESS joffri wkoll servizzi soċjali ta’ natura interdixxiplinarja taħt saqaf wieħed fil-lokalità tal-Kottonera. Għaldaqstant, billi jagħraf ir-realtajiet u l-ħtigijiet primarji tan-nies tal-lokal, AĊĊESS huwa wkoll f’pożizzjoni li jqajjem iktar kuxjenza, kif ukoll jaħdem fuq livell ta’ prevenzjoni u joffri programmi ta’ intervent bikri, liema fatturi jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-koeżjoni soċjali fuq medda ta’ żmien twil.
Wieħed mill-għanijiet primarji tal-Peer Review huwa li l-parteċipanti jkunu jistgħu jiddiskutu t-trasferiment ta’ prattika tajba. Fil-fatt, AĊĊESS fil-Kottonera qiegħed digà jservi ta’ mudell fuq livell nazzjonali sabiex jiġu żviluppati proġetti simili f’lokalitajiet oħra f’Malta.
Għal iktar informazzjoni dwar is-servizzi offruti minn AĊĊESS, wieħed jista’ jżur is-sit ta’ l-internet www.mfss.gov.mt kif ukoll jista’ jċempel fuq 2398-5110 jew billi jikteb email lil access.msp@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966