Left arrow Go Back

SPORT GĦAL KULĦADD 2007

PR0860
Date Icon 11/06/2007

“L-isfidi li pajjiżna qed jaffaċċja riżultat ta’ l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu, jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji mhux biss fil-qasam tas-saħħa iżda wkoll f’dak finanzjarju, jekk kemm-il darba dawn l-isfidi ma nilqagħuhomx b’mod immedjat. Dan irridu nagħmluh mhux biss b’edukazzjoni u informazzjoni fuq kif niġġieldu l-obeżita’ u kultura ta’ junk food, iżda b’għodda effikaċi bħal ma’ huma l-isport u l-attività fiżika.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr. Louis Galea, waqt diskors li kien qed jagħmel f’attività mtella’ mill-Kunsill Malti għall-iSport (KMS).  

Għal matul ix-xhur tas-sajf, il-KMS ħaseb biex jorganizza sensiela ta’ erba’ attivitajiet fil-programm tiegħu ta’ din is-sena “Sport għal Kulħadd”.  Għal dan il-programm, il-Kunsill issieħeb mall-Kunsill Lokali tan-Naxxar u ma’ Birkirkara St. Joseph Sports Club, li flimkien se jorganizzaw numru ta’ attivitajiet immirati li jintroduċu u jħajjru lill-pubbliku għal dixxiplini sportivi diversi, b’emfażi partikolari fuq dawk id-dixxiplini li jkunu jistgħu jiġu pprattikati fil-beraħ, bħal fit-toroq u fil-baħar.  

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jospita dan il-programm fil-lokalità tiegħu, preċiżament fi Triq il-Kosta bejn is-Salina u Baħar iċ-Ċagħaq. Din it-triq se tkun magħluqa għat-traffiku għal sagħtejn, bejn it-8.00am u l-10.00am bl-iskop li l-attivitajiet li jkunu qed jiġu organizzati jsiru mingħajr periklu u l-pubbliku jkun jista’ jgawdi din il-parti pittoreska tal-kosta Maltija filwaqt li jeżerċita ruħu. 

Birkirkara St Joseph Sports Club, li hija għaqda li torganizza numru ta’ attivitajiet sportivi matul is-sena, se jieħu ħsieb jipprovdi l-equipment meħtieġ biex ikun jista’ jsir sport kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art.  L-istess Club se jipprovdi coaches kwalifikati biex flimkien ma’ dawk tal-Kunsill Malti għall-Isport, jiggwidaw lil min jattendi f’dawk l-eżerċizzji li jkunu jixtiequ jibdew jipprattikaw jew itejbu il-ħiliet tagħhom fihom.  

“L-isport jitrażmetti valuri pożittivi mhux biss lill-indiviwu li jipprattikah iżda wkoll lis-soċjetà li jkollha kultura li tħaddnu. Pajjiżna għandu jġib flimkien ir-riżorsi kollha li għandu, biex minn issa naffaċċjaw din l-isfida, jekk irridu ntejbu l-qagħda ta’ saħħet il-poplu tagħna fis-snin li ġejjin”, kompla l-Ministru Galea. Id-diversi dixxiplini li se jkunu pprattikati f’dan il-programm huma l-atletika, ċiklizmu, għawm, triathlon, kayaking, abseiling, spinning, aerobics u fun and water games. Min jattendi, wara li jagħzel id-dixxiplini li jkun jixtieq jipprattika, tingħatalu “record sheet” u jintbagħat għand il-coach relattiv. Wara li jkunu saru l-eżerċizzji, il-coach iniżżel fuq ir-‘record sheet’ xi jkun sar dak in-nhar u jgħati programm ta’ taħriġ li l-individwu jkun jista’ jsegwi waħdu sakemm jerġa’ jasal il-programm li jmiss ftit tal-ġimgħat wara. B’hekk dawk li jipparteċipaw, jkunu jistgħu jaraw il-progress.  Dan għandu jħajjar lil kull min jattendi biex iżomm programm regolari ta’ eżerċizzji fiżiċi matul il-ġimgħa.  

L-erbat ijiem li fihom se jinżamm dan il-programm ta’ Sport għal Kulħadd se jkunu nhar il-Ħadd, 24 ta’ Ġunju, il-Ħadd, 22 ta’ Lulju, il-Ħadd, 5 ta’ Awissu u l-Ħadd, 16 ta’ Settembru.  Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jipprovdi trasport mill-pjazza tal-lokal għas-Salini. Il-post fejn se jsir il-logħob hija l-area rikreattiva quddiem il-lukanda tas-Salini, se jkunu attrezzati b’dak kollu meħtieġ għal kull eventwalità.  Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas u l-pubbliku huwa mistieden jattendi f’ħin konvenjenti għalih bejn it-8.00am u 9.30am jiġifieri nofs siegħa qabel jintemmu l-attivitajiet.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow