MALTA TESPRIMI D-DISPJAĊIR TAGĦHA DWAR L-POSPONIMENT TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ TAL-PIŻ MINIMU GĦALL-QBID TAT-TONN
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu attenda għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura u Sajd li saret fil-Lussumburgu.
Fl-intervent tiegħu Dr Agius qal, li Malta kienet qed tesprimi d-dispjaċir tagħha dwar l-posponiment tad-dħul fis-seħħ tal-piż minimu għall-qbid tat-tonn, mit-13 ta’ Ġunju kif maqbul fl-International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna (ICCAT), għat-30 ta’ Ġunju.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li, Malta tħoss li l-piż minimu huwa wieħed mill-pilastri tal-pjan ta’ irkupru ta’ l-ICCAT, li l-għan tiegħu huwa li jiżgura s-sostenibilita’ tat-tonn billi jippermetti li din l-ispeċi tilħaq tikber sal-maturita’ qabel ma tinqabad. Dan il-posponiment ifisser illi l-piż minimu ġdid tal-qbid tat-tonn mhux ser ikunu applikabbli fis-sena preżenti tas-sajd tat-tonn. Dr Agius saħaq li dan imur kontra s-sens tal-ftehim ma’ l-ICCAT, u jnaqqas ħafna mill-kredibilita’ ta’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-sostenibilita’ tas-sajd.
Dr Agius qal li Malta għandha dubji serji dwar jekk il-posponiment tad-dħul tal-piżijiet minimi tal-qbid tat-tonn huwiex konformi mal-liġi Internazzjonali, u aktar u aktar, jekk huwiex aċċettabbli għall-partijiet ikkonċernati l-oħra ta’ l-ICCAT. Malta wriet it-tħassib tagħha fuq il- kummerċjabilita tal-ħut kollu li ser jinqabad mill-flotta tas-sajd ta’ l-Unjoni Ewropea wara t-13 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, għaliex jista’ jiġi meqjus bħal ħut li m’ huwiex kopert mir-rakkomandazzjoni ta’ l-ICCAT.
Malta talbet biex dawn ir-riflessjonijiet jiġu nklużi fil-minuti tal-Kunsill iżda vvutat favur l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Irkupru tat-Tonn biex b’hekk inkunu qiegħdin nattwaw il-biċċa il-kbira ta’ l-obbligi Internazzjonali tagħna mill-aktar fis possibli.
L-istaġun tat-tonn issa ser jgħalaq fl-aħħar ta’ Ġunju u bil-kwoti sħaħ ta’ 355.59 tunnellata, hekk kif maqbula f’Tokyo fil-bidu ta’ din is-sena, li kienu favorevoli għal Malta.Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966