TAĦDIDIET MAR-RAPPREŻENTANTI TAL-BEJJIEGĦA TAL-MONTI
Kif miftiehem, il-bieraħ wara nofsinhar il-Prim Ministru ltaqa’ mal-UĦM u mar-rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-Monti tal-Belt. F’dik il-laqgħa kien miftiehem li mis-6 tal-bieraħ fil-għaxija jinbdew sensiela oħra ta’ taħdidiet tekniċi biex jinstabu soluzzjoni għar-rilokazzjoni permanenti tal-Monti.
Il-Prim Ministru informa lill-bejjiegħa tal-Monti li wara li jintlaħaq ftehim dwar ir-rilokazzjoni permanenti, il-Gvern kien ikun lest jiddiskuti wkoll post alternattiv mit-tlieta li kien ġa offra fejn jista’ jarma temporanjament il-Monti sakemm isiru x-xogħlijiet li għaddejjin fil-parti ta’ Triq il-Merkanti identifikata bħala s-sit permanenti l-ġdid għall-Monti tal-Belt. Id-diskussjonijiet dwar ir-rilokazzjoni permanenti tal-Monti tmexxew minn delegazzjoni tal-Gvern immexxija mis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Sal-11 tal-bieraħ fil-għaxija, it-taħdidiet kienu waslu qrib qbil. Iżda qabel jimpenja ruħu għal tali ftehim, il-Gvern talab lir-rappreżentanti tal-bejjiegħa biex il-laqgħat ikunu aġġornati għal dal-għodu, sakemm isiru verifiki tekniċi u perizjali dwar dak li kien qed jiġi diskuss. Minbarra hekk, il-Gvern ried li jikkonsulta mal-partijiet l-oħra interessati f’din ir-rilokazzjoni qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar qbil aħħari.
Għal dan il-UĦM irreaġixxiet b’mod sorprendenti għall-aħħar u rrifjutat li tikkonferma appuntament għat-tkomplija tat-taħdidiet għal dal-għodu. Minflok tat direttivi lill-bejjiegħa tal-Monti li jkomplu l-protesta tagħhom minn Misraħ il-Ħelsien, Valletta.
Il-Gvern jirrispetta l-jedd tal-bejjiegħa tal-Belt li jagħmlu l-protesta tagħhom. Iżda l-Gvern jifhem li l-interess vera tal-bejjiegħa hu li jintlaħaq ftehim kemm jista’ jkun malajr. Hu għalhekk li l-Gvern jerġa’ jtenni l-istedina tiegħu lill-UĦM u lill-bejjiegħa tal-Monti biex kemm jista’ jkun malajr, jitkomplew it-taħdidiet għal ftehim dwar ir-rilokazzjoni permanenti tal-Monti.
Other Press Releases:
PR261976en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...
PR261976