Left arrow Mur Lura

L-Artiġjanat agrikolu jibbenefika minn għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea

PR0686
Date Icon 10/05/2007

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u s-Segretarju Parlamentari Dr. Francis Agius żaru r-razzett ta’ produttur tal-ġbejniet fil-Buskett, limiti tar-Rabat.  “Il-Gvern huwa impenjat li jgħin lill-produtturi tal-ġbejniet biex ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni tal-prodott tagħhom kemm f’Malta, kif ukoll barra minn Malta.  Biex dan is-settur jiġi mgħejjun aħjar, il-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ser jgħin numru ta’ produtturi u raħħala biex jipparteċipaw fi proġett ta’ l-Unjoni Ewropea,” qal is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo. 

L-isem tal-proġett li ser ikunu qegħdin jipparteċipaw fih jismu “Crafts:  Reaching Higher EU Standards” u ħmistax-il parteċipant ser jintagħżlu mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat.  Il-parteċipanti ser imorru l-Italja bil-kollaborazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ Taljana u ser ikollhom l-opportunita’ li jitgħallmu dwar tekniċi fil-produzzjoni ta’ ġbejniet simili, kif ukoll ser ikunu qegħdin jiltaqgħu ma’ produtturi bħalhom fl-Italja.  Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed applika għal dan il-proġett f’isem il-parteċipanti, u ż-żjara għandha ssir fi żmien tliet xhur. 

Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo qal li “wara li fil-ġimgħat li għaddew organizzajna laqgħa mal-produtturi tal-ġbejniet, aħna ser inkunu qegħdin inżommu kuntatt ma’ dan is-settur biex nassiguraw li niffaċilitaw in-negozju għal dawn il-produtturi.  Il-produzzjoni tal-ġbejniet Maltin huwa artiġjanat li jrid jiġi mgħejjun u li jrid jingħata dejjem aktar promozzjoni.  Dan il-qasam ta’ bejgħ ta’ ikel tipikament Malti hu wieħed li jrid jiġi sfruttat aktar ukoll f’dak li huwa bejgħ barra minn pajjiżna.  Dan huwa mod ieħor ta’ kif negozjanti u produtturi Maltin jistgħu jisfruttaw il-vantaġġi tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Prodotti bħalma huma l-ġbejniet, li huma tipikament ta’ Malta, ikollhom ċertu valur miżjud barra minn Malta, li ma jkollhomx prodotti oħra.” 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, Dr. Francis Agius għamel enfasi li l-produtturi għandhom jagħmlu l-prodott Malti kemm jista’ jkun b’mod tradizzjonali.  Dr. Agius qal li huwa veru li m’għandniex art biżżejjed pero’ żgur li għandna nagħmlu sforz sabiex in-nagħaġ tagħna jieklu kemm jista’ jkun magħlef ta’ kwalita’ mill-art maltija bħal ġulbiena, silla, avena u alfalfa (din ta’ l-aħħar trid l-ilma). 

Il-ġbejna tagħna trid tkun frott ta’ Malta, kompla Dr. Agius, sabiex tkun tista’ tifforma parti minn ikel mediterranju li llum huwa valutat ħafna.  B’hekk ukoll jikber iċ-ċans li dan il-prodott ikollu protezzjoni reġjonali magħrufa mill-Unjoni Ewropea għax dan jinkludi l-parti ġeografika jiġifieri r-reġjun u r-riċetta.  Anke għall-esportazzjoni, il-ġbejna trid tkun kemm jista’ jkun frott artna.  Biex hekk ikollha l-identita’ tagħna u tkun tagħmel differenza minn prodotti oħra. 

Dr. Agius ħeġġeġ lill-produtturi li meta jintalbu xi informazzjoni mid-Dipartiment għandhom jgħamluha “għax aħna, Ministeru u d-Dipartiment, nistgħu nġibu għajnuna mill-Unjoni Ewropea biss bil-għajnuna tagħkom. L-Unjoni Ewropea ma tagħti xejn mingħajr kontrolli stretti u allura huwa importanti li nagħmlu l-parti tagħna wkoll ħalli hekk dan is-settur ikun jista’ jgawdi ukoll mill-għajnuna dovuta.” 

F’Malta rreġistraw 1,322-il raħħal tan-nagħaġ u mogħoż filwaqt li ġo Għawdex irreġistraw 588-il raħħal tan-nagħaġ u mogħoż. 

F’Malta u Għawdex hawn madwar 12,300 nagħġa u 5,800 mogħża. L-Assoċjazzjoni Produtturi tal-Ġbejniet tan-Nagħaġ u l-Mogħoż għandha madwar 80 membru. In-numru ta’ produtturi tal-ġbejniet reġistrati mad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura huwa ta’ 312, u n-numru ta’ produtturi tal-ġbejniet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat huwa ta’ 16. 

Dr Agius qal li s-soċjeta tagħna illum hija aktar konxja mis-saħħa u mill-indafa u għalhekk huwa importanti li tkomplu tejbu l-indafa u l-maniġġ fit-trobbija u fil-produzzjoni tal-ġbejniet.  “Qegħdin f’dinja fejn il-kompetizzjoni hija xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajra u għalhekk huwa essenzjali li tibżgħu għas-suq u għall-konsumaturi u araw li tagħmlu t-tikketti fuq il-prodott anke jekk din twaħħluha mad-dixx li fih ikun esposti l-ġbejniet tagħkom biss.  Fejn possibli dawn għandhom ikunu ppakkjati.  Nieħu gost li f’dan ir-rigward imxejtu ħafna għalkemm għad hemm min jaħseb li dan il-prodott ma jistax jippakkja ruħu,”  kompla Dr. Agius. 

“Għamlu riklamar bi ħsieb għax illum dan il prodott irrid ikun magħruf sabiex dan il-prodott jerġa jieħu l-post li jixraqlu fil-kċina Maltija.  Araw intom stess li dawn il-ġbejniet jkunu esposti biss għall-bejgħ f’postijiet diċenti u fejn hemm kesħa biżżejjed li ma tagħmilx ħsara lill-prodott tagħkom li finalment jagħmel riklam ħażin lilkom u lil produtturi l-oħra bħalkom.” 

Dr. Agius temm jgħid, “li intom għandkom prodott delikat ħafna f’idejkom għax ħafna drabi jinbiegħ frisk, mhux bħal meta jkun ġobon maturat u allura ċertu mikrobi jkunu nqerdu.  Allura ħudu ħsieb ħafna”.  

Is-Segretarji Parlamentari Edwin Vassallo u Dr. Francis Agius żaru r-razzett tas-Sur Chris Zahra, li jrabbi 60 nagħġa u jipproduċi 440 ġbejna tan-nagħaġ kuljum minn ħalib pasturizzat (friski, nixfin u tal-bżar).  Jipproduċi wkoll 460 ġbejna oħra kuljum minn ħalib li jixtri mingħand żewġ bdiewa oħra.  Chris Zahra investa fi pasteuriser li kapaċi jippasturizza 200 litru ħalib kull 30 minuta. 

Il-kumpanija ta’ Chris Zahra investiet bil-qawwi fil-produzzjoni tal-ġbejniet, u dan sar ukoll permezz ta’ għajnuna li rċieva minn fondi strutturali.  Fil-fatt huwa rċieva fondi strutturali li ġew maqsuma bejn il-kostruzzjoni tar-razzett, ix-xiri ta’ tractor u l-attachments, ix-xiri ta’ power wash, u l-installazzjoni ta’ ventilation system. Irċieva wkoll għajnuna mill-Food Processing Scheme tal-Malta Enterprise biex jixtri il-pasteuriser.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow