315,561 turist żaru t-Tlett Ibliet fl-2006
“Ċifri miġbura mill-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta permezz ta’ Market Profile Surveys juru li matul l-2006 315,561 turist, jew 28.1 fil-mija tat-turisti kollha li kienu pajjiżna, żaru it-Tliet Ibliet.”
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta tkellem waqt Information Seminar bit-tema “Reseau des Centre Historiques Mineurs (RCSM) Project” u t-tnedija ta’ ktieb intitolat “Three Historical Cities” li sar fil-kappella ta’ San Ġwann t’Għuxa, Bormla. Is-seminar ġie organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla qed jipparteċipa fi proġett ‘Interreg IIIB MEDOCC taħt l-awspiċji ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett beda f’Novembru 2005 u mistenni jintemm f’Ġunju 2007 bl-iskop li tingħata prominenza lil ċentri li għalkemm għandhom potenzjal turistiku għad m’humiex inklużi fir-rotot turistiċi ewlenin. F’dan il-proġett qed jipparteċipaw imsieħba minn Spanja, Italja, Greċja u l-Portugall.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-riġenerazzjoni tal-Kottonera hi fuq quddiem nett ta’ l-aġenda tal-Gvern. Hu qal li dan jixhdu l-proġetti li qed iwettaq il-Gvern f’dawn l-inħawi. “Il-proġett tal-Kottonera bir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ bini storiku fix-xatt tal-Birgu, il-bini tal-yacht marina, il-bini ta’ appartamenti u l-ftuħ tal-casinò, il-bini ta’ dar għall-Anzjani, l-iSports Complex, l-appartamenti ta’ ħdejn il-Mina ta’ Santa Liena, il-Family Resources Centre, il-ġnien il-ġdid ħdejn il-Mina tal-Polverista, it-twaqqigħ tal-ħajt madwar il-Baċir Numru 1, il-proġetti ta’ restawr ta’ knejjes u bini storiku, it-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ, tad-distribuzzjoni tad-dawl elettriku u l-ilma – dawn huma kollha xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern favur ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech tkellem ukoll dwar proġett li qed jitwettaq bħalissa f’Bormla bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta u l-Kunsill Lokali Bormla għat-tisbiħ u r-riabilitazzjoni ta’ wieħed mill-ġonna ewlenin ta’ Bormla, il-Ġnien Santa Margerita. Hu qal li l-proġett għal dan il-ġnien – f’wieħed mill-ispazji miftuħa l-aktar importanti ta’ Bormla, għaliex qiegħed ħdejn il-bus terminus bejn Bormla u l-Birgu – jinkludi t-tibdil tal-ħajt ta’ barra, pavimentar ġdid u l-kurduni li jdawwru l-inħawi landscaped, sistema ta’ CCTV cameras, dwal ġodda, għamara ġdida tat-toroq u tagħmir għal-logħob tat-tfal li ser jitqiegħed fil-ġnien. Hu qal li l-proġett jinkludi r-restawr tas-sur li jifforma parti mill-ġnien, kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni, pjanti u siġar ġodda. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett, li hu finanzjat kollu kemm hu mill-MTA, ser jiswa madwar Lm60,000 u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien jemmen li l-Kottonera kellha ħafna x’toffri bħala ċentru storiku u kulturali lejn is-settur turistiku. Hu qal li l-Gvern kien impenjat li jagħmel minn kollox biex iħajjar aktar turisti biex iżuru t-Tlett Ibliet u biex jaqsmu l-esperjenza storika u kulturali li joffru dawn l-inħawi li inqisuhom bħala l-benniena taċ-ċivilta’ ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li issa li pajjiżna hu membru ta’ l-Unjoni Ewropea, it-tlett ibliet tal-Kottonera kellhom jagħmlu minn kollox biex jisfruttaw programmi bħal Interreg IIIB MEDOCC għall-promozzjoni tagħhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ma kellux dubbju li darba t-turist ikun jaf aktar dwar it-Tlett Ibliet Storiċi, li huma marbuta flimkien permezz tas-swar tal-Kottonera, dawn iżuruhom u l-perċentwal ta’ 28 fil-mija mit-turisti kollha li jżuruna jiżdied u jikber.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien jemmen li l-publikazzjoni “Three Historical Centres” kienet ser tikkontribwixxi biex l-ibliet tal-Kottonera jsiru aktar magħrufa. Hu qal li kien ukoll ċert li t-tnedija ta’ web portal kienet tikkontribwixxi bis-sħiħ lejn il-promozzjoni tat-Tlett Ibliet li bejniethom joffru storja li tmur lura eluf ta’ snin.Stqarrijiet Oħra:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en