Restawr fuq is-Sur ta’ Santa Barbara, fil-Belt Valletta
Il-medda tas-swar, bastjuni, forti u fortifikazzjonijiet huma parti ntegrali mill-istorja ta’ pajjiżna. Għalkemm l-interventi li saru matul iż-żminijiet ħallew xi effetti negattivi u f’ċertu każi ħsara irriparabbli, dawn għadhom xorta waħda monument uniku u storiku. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr u konsolidament li qed isiru fuq is-Sur ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta.
Ix-xogħol hu maqsum f’żewġ fażijiet. Il-fażi preżenti, tkopri restawr fuq madwar elfejn metru kwadru ta’ ġebel, f’medda ta’ mitt metru tul ta’ swar, liema xogħol huwa maħsub li jitlesta f’Gunju. Il-fażi l-oħra wkoll fiha restawr ta’ elfejn metru ieħor ta’ ġebel ta’ wiċċ is-sur. Din ser tinbeda immedjatament wara l-ewwel fazi, u għandha tigi kompluta f’perjodu ta’ tmien xhur.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet il-Ministru qal li x-xogħol, li kien inbeda minħabba sitwazzjoni ta’ struttura perikoluża, jinkludi bdil ta’ ġebel, tindif, u tberfil tas-sur kollu. Il-proċess ta’ restawr qed jutiliżża makkinarju li barra li jsaħħaħ il-konsolidament ta’ l-istruttura, fl-istess ħin jelimina it-tkabbir ta’ ħxejjex u siġar fil-faċċati tas-swar. Ix-xogħlijiet fuq din l-ewwel fażi jammontaw għal madwar Lm100,000 (€ 232,937.34), li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma pagi tal-ħaddiema assenjati dan ix-xogħol fuq perjodu ta’ xhur.
Ix-xogħol ta’ restawr u konsolidament li qed isir fuq dan is-sur mhux proġett singolari f’dan il-qasam. Matul l-aħħar tlett snin u nofs saru xogħlijiet oħra bħar-restawr tal-Forti ta’ Sant’Anglu, ir-restawr tal-Bieb Sant’Anna fl-Isla, il-Bieb ta’ Sant’ Elena f’Bormla, ir-restawr u l-konsolidament f’Pinto Wharf fil-Belt Valletta, ir-restawr fuq is-swar tad-daħla tal-Birgu u r-restawr li kien sar fuq is-sur tad-dawra tal-Ġnien Hastings fil-Belt Valletta. Dan ix-xogħol kollu fl-aħħar snin sewa investiment ta’ ‘l fuq minn Lm 500,000 (€ 1164,686.70) fuq restawr ta’ forti u fortifikazzjonijiet biss.
Dan ix-xogħol ikompli juri l-impenn tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku u biex setgħa jsir dan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ilu għal dawn l-aħħar snin investa kemm fit-taħrig tal-ħaddiema, fir-riformi tad-diversi sezzjonijiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru kif ukoll fix-xiri ta’ inġenji u apparat adekwat.
F’dan il-kuntest, il-Ministru semma li fl-aħħar ġimgħat għadhom kemm inxtraw żewġ platforms oħra u tower ladder li ser jgħinu lill-ħaddiema fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ din in-natura. Filwaqt li tkun żgurata s-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol, tiżdied ukoll l-effiċjenza bil-għan li jsiru aktar xogħlijiet fl-inqas żmien possibli. Barra minnhekk, ħargu sejħiet għall-ingaġġ ta’ ħaddiema fil-grad ta’ stone conservators sabiex is-sezzjoni tar-restawr tkun attrezzata b’ħaddiema mħarrġa apposta għal xogħol ta’ restawr speċjalizzat. Fil-preżent is-sezzjoni għandha wkoll madwar ħdax-il student mill-MCAST li qegħdin jiġu mħarrġa fuq proġetti ta’ restawr prinċipalment fuq ix-xogħol li qed isir f’Villa Francia, peress li f’din il-villa hemm xogħlijiet li prattikament imissu ma’ kull parti tas-sengħa tar-restawr.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Ninu Zammit tenna li kif tħabbar fix-xhur li għaddew, il-Ministeru qiegħed fl-istadju li joħroġ l-offerti għal xogħol ta’ restawr fuq diversi partjiet tas-swar li jkopru żoni fil-Kottonera, il-Belt Valletta, l-Imdina u ċ-Cittadella f’Għawdex. L-investiment li ser jintefaq fuq perjodu ta’ seba` snin jaqbez Lm12-il miljun jew € 27.9 miljuni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en