Left arrow Go Back

Restawr fuq is-Sur ta’ Santa Barbara, fil-Belt Valletta

PR0666
Date Icon 08/05/2007

Il-medda tas-swar, bastjuni, forti u fortifikazzjonijiet huma parti ntegrali mill-istorja ta’ pajjiżna. Għalkemm l-interventi li saru matul iż-żminijiet ħallew xi effetti negattivi u f’ċertu każi ħsara irriparabbli, dawn għadhom xorta waħda monument uniku u storiku. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr u konsolidament li qed isiru fuq is-Sur ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta. 

Ix-xogħol hu maqsum f’żewġ fażijiet. Il-fażi preżenti, tkopri restawr fuq madwar elfejn metru kwadru ta’ ġebel, f’medda ta’ mitt metru tul ta’ swar, liema xogħol huwa maħsub li jitlesta f’Gunju. Il-fażi l-oħra wkoll fiha restawr ta’ elfejn metru ieħor ta’ ġebel ta’ wiċċ is-sur. Din ser tinbeda immedjatament wara l-ewwel fazi, u għandha tigi kompluta f’perjodu ta’ tmien xhur.  

Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet il-Ministru qal li x-xogħol, li kien inbeda minħabba sitwazzjoni ta’ struttura perikoluża, jinkludi bdil ta’ ġebel, tindif, u tberfil tas-sur kollu. Il-proċess ta’ restawr qed jutiliżża makkinarju li barra li jsaħħaħ il-konsolidament ta’ l-istruttura, fl-istess ħin jelimina it-tkabbir ta’ ħxejjex u siġar fil-faċċati tas-swar. Ix-xogħlijiet fuq din l-ewwel fażi jammontaw għal madwar Lm100,000 (€ 232,937.34), li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma pagi tal-ħaddiema assenjati dan ix-xogħol fuq perjodu ta’ xhur. 

Ix-xogħol ta’ restawr u konsolidament li qed isir fuq dan is-sur mhux proġett singolari f’dan il-qasam. Matul l-aħħar tlett snin u nofs saru xogħlijiet oħra bħar-restawr tal-Forti ta’ Sant’Anglu, ir-restawr tal-Bieb Sant’Anna fl-Isla, il-Bieb ta’ Sant’ Elena f’Bormla, ir-restawr u l-konsolidament f’Pinto Wharf fil-Belt Valletta, ir-restawr fuq is-swar tad-daħla tal-Birgu u r-restawr li kien sar fuq is-sur tad-dawra tal-Ġnien Hastings fil-Belt Valletta. Dan ix-xogħol kollu fl-aħħar snin sewa investiment ta’ ‘l fuq minn Lm 500,000 (€ 1164,686.70) fuq restawr ta’ forti u fortifikazzjonijiet biss. 

Dan ix-xogħol ikompli juri l-impenn tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku u biex setgħa jsir dan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ilu għal dawn l-aħħar snin investa kemm fit-taħrig tal-ħaddiema, fir-riformi tad-diversi sezzjonijiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru kif ukoll fix-xiri ta’ inġenji u apparat adekwat.  

F’dan il-kuntest, il-Ministru semma li fl-aħħar ġimgħat għadhom kemm inxtraw żewġ platforms oħra u tower ladder  li ser jgħinu lill-ħaddiema fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ din in-natura. Filwaqt li tkun żgurata s-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol, tiżdied ukoll l-effiċjenza bil-għan li jsiru aktar xogħlijiet fl-inqas żmien possibli. Barra minnhekk, ħargu sejħiet għall-ingaġġ ta’ ħaddiema fil-grad ta’ stone conservators sabiex is-sezzjoni tar-restawr tkun attrezzata b’ħaddiema mħarrġa apposta għal xogħol ta’ restawr speċjalizzat. Fil-preżent is-sezzjoni għandha wkoll madwar ħdax-il student mill-MCAST li qegħdin jiġu mħarrġa fuq proġetti ta’ restawr prinċipalment fuq ix-xogħol li qed isir f’Villa Francia, peress li f’din il-villa hemm xogħlijiet li prattikament imissu ma’ kull parti tas-sengħa tar-restawr. 

Fl-aħħarnett, il-Ministru Ninu Zammit tenna li kif tħabbar fix-xhur li għaddew, il-Ministeru qiegħed fl-istadju li joħroġ l-offerti għal xogħol ta’ restawr fuq diversi partjiet tas-swar li jkopru żoni fil-Kottonera, il-Belt Valletta, l-Imdina u ċ-Cittadella f’Għawdex. L-investiment li ser jintefaq fuq perjodu ta’ seba` snin jaqbez Lm12-il miljun jew  € 27.9 miljuni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow