Arranġamenti speċjali għas-servizz ta’ transport għal Lejlet Lapsi Notte Gozitana
Għall-ewwel edizzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana ser jiġu pprovduti arranġamenti speċjali għal trasport bl-art u bil-baħar sabiex tiġi ffaċilitata l-aċċessibilita’ lejn il-Belt Victoria u ċ-Ċittadella f’Għawdex, għall-avveniment mistenni ta’ bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Mejju.
Dan ġie mħabbar dalgħodu waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet mill-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura u l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.
Servizz ta’ trasport pubbliku b’tal-linja se jitlaq mill-Belt Valletta, Birgu, Luqa, Birkirkara, Mosta, Paola, Ħal Qormi u tas-Sliema għaċ-Ċirkewwa b’shuttle service nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju bejn is-2.00pm u s-6.00pm. Dan biex tkun iktar faċli għall-pubbliku in ġenerali li jattendi l-attivitajiet tas-Sibt filgħaxija f’Għawdex. Servizz lura miċ-Ċirkewwa għall-Belt Valletta u l-ibliet u l-irħula msemmija se jingħata mis-1.30am sal-5.30am tal-Ħadd filgħodu.
Servizz ta’ trasport pubbliku se jingħata wkoll f’Għawdex b’shuttle service li titlaq mill-Port ta’ l-Imġarr lejn il-Belt Victoria mill-5.30pm sa nofs il-lejl tas-Sibt, b’sistema oħra shuttle li titlaq mill-Belt Victoria lejn il-Port ta’ l-Imġarr minn nofs il-lejl tas-Sibt sa l-4.30am tal-Ħadd filgħodu.
Għall-benefiċċju ta’ l-Għawdxin u dawk kollha li jkunu fil-gżira, se jiġi offrut servizz ieħor speċjali mit-13-il raħal f’Għawdex kif ukoll mill-bajjiet tax-Xlendi u Marsalforn għall-Belt Victoria. Is-servizz permezz ta’ karozza tal-linja jitlaq kull tlett kwarti (45 minuta) bejn is-6.30pm u l-10.15pm (ħlief dak mir-raħal ta’ Kerċem li jitlaq bejn is-6.15pm u l-10.00pm). Servizz ta’ ritorn jingħata mill-Belt Victoria lill-istess irħula kull siegħa bejn nofs il-lejl tas-Sibt sat-3.00am tal-Ħadd.
| Peress li l-parti l-kbira tal-belt se tingħalaq għat-traffiku, se jiġu operati tlett termini temporanji għall-karozzi tal-linja. Dawn se jkunu fi: | a) Pjazza Kennedy għall-passiġġieri min-Nadur, Qala, Għajnsielem, Xewkija u Xagħra; |
| b) | Triq Papa Ġwanni Pawlu II: għas-servizz pubbliku miż-Żebbuġ, Għasri, Għarb, San Lawrenz, Kerċem u Santa Luċija; u, |
| c) | Triq Karolina Cauchi: għat-trasport mix-Xlendi, Munxar u Sannat. |
Se jiġi offrut servizz addizzjonali ta’ trasport, permezz ta’ minibuses, għall-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali mit-termini temporanji ta’ Triq Papa Ġwanni Pawlu II u Pjazza Kennedy lejn iċ-ċentru tal-belt.
Il-kumpanija Gozo Channel ukoll se toffri arranġamenti ta’ trasport speċjali b’shuttle service li topera bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Is-servizz tal-Ġimgħa 18 u tas-Sibt 19, bejn nofsinhar u nofs il-lejl, se jingħata bi skont speċjali bil-passiġġieri jivjaġġaw bil-biljett ridott ta’ Lm0.60c filwaqt li sewwieqa ta’ karozzi li jivjaġġaw bil-karozza tagħhom jaqsmu bil-prezz ridott ta’ Lm3.60.
Minbarra l-arranġamenti ta’ trasport speċjali fuq l-art u bil-baħar, qed tingħata kunsiderazzjoni partikolari għall-provvista ta’ servizzi ta’ ikel, b’mod partikolari għall-jum tas-Sibt. Iż-żona tal-Bus Terminus fir-Rabat se tinbidel f’żona ta’ ristoranti hekk kif għadd ta’ ristoranti Għawdxin se joffru selezzjoni wiesa’ ta’ ikel a’ la carte. Tfasslet ukoll żona għall-ikel take-away b’numru ta’ gabbani li se jkunu stazzjonati fi Triq Ġorġ Borg Olivier. Fl-istess ħin, ir-ristoranti u stabilimenti oħra ta’ l-ikel tal-Belt Victoria qed jiġu nkoraġġuti jestendu s-servizzi tagħhom matul il-lejl.
Il-latrini pubbliċi eżistenti se jinżammu miftuħa matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd filwaqt li numru ta’ latrini temporanji se jitwaqqfu f’żoni differenti madwar il-belt. Se jintramaw ukoll numru ta’ faċilitajiet ta’ l-ewwel għajnuna f’inħawi differenti, li se jikkumplimentaw is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li t-tnejn jinsabu fil-belt Victoria.
Minn għada se jibda jitqassam bieb bieb f’kull dar f’Malta u f’Għawdex programm dettaljat ta’ l-attivitajiet kollha organizzati tul it-tlett ijiem, inkluż mappa dettaljata bl-attrazzjonijiet kollha identifikati. Il-programm se jinkludi wkoll lista tas-servizzi ta’ trasport, ta’ l-ikel u servizzi oħra. Numru limitat ta’ kopji se jitqassmu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel kif ukoll mill-belt Victoria nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju. Il-pubbliku li se jattendi qed jiġi mħeġġeġ jippjana minn qabel l-attivitajiet li jixtieq isegwi tul il-lejl jew it-tmiem il-ġimgħa.
“Lejlet Lapsi Notte Gozitana hi waħda f’sensiela ta’ festi popolari maħsuba li jagħmlu lill-poplu aktar konxju mill-kultura, l-arti u l-patrimonju ta’ pajjiżna. Iljieli bħal dawn qed jiftħu beraħ il-mużewijiet, knejjes u postijiet storiċi għall-poplu u għat-turisti li jkunu f’pajjiżna. Huma wkoll attivitajiet tal-massa kif urew ferm tajjeb Notte Bianca u Notte Magica li ttellgħu f’Malta,” stqarr il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta Għawdex qed jingħata promozzjoni bħala destinazzjoni turistika differenti minn Malta, din l-attività mifruxa fuq tlett ijiem, għandha sservi ta’ vetrina ħajja għal dak li tista’ toffri l-gżira Għawdxija lil eluf ta’ Maltin li jitilgħu Għawdex u lit-turisti, li qed nieħdu kull inizjattiva biex narawhom jiżdiedu u hekk isaħħu l-ekonomija ta’ Għawdex.
F’diskors qasir, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li qed tingħata attenzjoni qawwija lid-dettalji fl-organizzazzjoni ta’ l-arranġamenti loġistiċi b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-belt Victoria se tkun magħluqa kompletament għat-traffiku f’dawn il-jiem.
Għawdex qiegħed jistenna influss qawwi ta’ viżitaturi ta’ żewġ kategoriji differenti – dawk li jivvjaġġaw is-Sibt biex jirritornaw dritt wara l-attivitajiet, filwaqt li numru ta’ viżitaturi jagħżlu li joqgħodu f’Għawdex għat-tmiem il-ġimgħa sħiħ. Dan joħloq importanza għall-kunsiderazzjoni ta’ l-immaniġġjar tat-traffiku u arranġamenti loġistiċi oħra, biex it-tlett ijiem ta’ attivitajiet jipprovdu esperjenza pożittiva lil kulħadd. Il-Ministru Debono ħeġġet lill-pubbliku biex jagħmel użu mit-trasport pubbliku li se jkun qed jingħata b’shbuttle service għall-kumdita’ ta’ dawk li jattendu.
Lejlet Lapsi Notte Gozitana hija organizzata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura, sponsorjata min-National Lotteries Good Causes Fund – Ministeru tal-Finanzi, Bank of Valletta, Air Malta u Gozo Channel Company Limited; bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex u BPC. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb permezz tat-telefon bin-numru 21559832, jew permezz ta’ l-email: events@gozoculture.com inkella online: www.gozoculture.com.
(Qed tiġi annessa l-iskeda ta’ trasport pubbliku u servizzi oħra li se jiġu offruti)
Trasport Pubbliku f’Malta
Għaċ-Ċirkewwa |
Stqarrijiet Oħra:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en