Malta tkompli tappoġġja l-pjan ta’ rkupru tat-tonn
Malta, permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino, kompliet tappoġġja l-pjan ta’ rkupru tat-tonn (Blue Fin Tuna Recovery Plan) kif propost mill-Kummissjoni Ewropea u maqbul mill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT).
Permezz tal-proposta tal-ICCAT, is-sajjieda Maltin se jkollhom impatt mill-anqas, peress li l-kwota tal-qabda tat-tonn fl-ewwel sena se tiżdied biex tilħaq 355 tunnellata iżda mbagħad tonqos gradwalment kull sena sas-sena 2010 ghal 280 tunnellati.
Il-proposta tal-ICCAT kienet diskussa waqt laqgħa mqanqla tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd li sar il-bieraħ fi Brussels u li kien karatterizzat minn oppożizzjoni kbira għall-proposta tal-Kummissjoni minn xi pajjiżi, ewlenin fosthom Franza u l-Italja.
Din l-oppożizzjoni wasslet lill-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, bħalissa f’idejn il-Ġermanja, biex tipposponi vot waqt il-laqgħa tal-bieraħ u taġġorna l-laqgħa għax-xahar id-dieħel. Il-Kummissjoni Ewropea wriet id-dispjaċir tagħha għal dawn l-iżviluppi u ħabbret li jekk sal-laqgħa li jmiss ikun jidher li l-Istati Membri ma jkunux laħqu ftehim unanimu u komplet, hi jkollha tieħu miżuri drastiċi, inkluż it-twaqqaf tas-sajd għat-tonn sakemm il-Pjan ta’ Rkupru jkun approvat.
F’interventi li għamel waqt il-laqgħa, il-Ministru George Pullicino rriafferma l-appoġġ ta’ Malta għall-proposta li għandha l-għan li tħares l-istocks tat-tonn, li hija ħuta importanti għas-sajjieda Maltin.
Il-Ministru Pullicino fakkar kif il-Kummissjoni Ewropea kienet waħda mill-promoturi ewlenin għall-ftehim fl-ICCAT u għalhekk huwa ironiku li issa huma l-istess membri ta’ l-Unjoni Ewropea li għadhom ma qablux mal-proposta.
Dan il-fatt jistona anke għax pajjiżi bħal Libja, li kienu u għadhom kritiċi tal-ftehim, xorta ddikjaraw li se jonoraw dan il-Pjan ta’ Rkupru.
Hu qal li huwa inġust fuq Malta, u fuq pajjiżi oħrajn li kienu qed jaqblu mal-proposta tal-ICCAT, li minħabba l-intransiġenza ta’ numru żgħir ta’ pajjiżi issa s-sajjieda Maltin jistgħu jispiċċaw ibatu minn xi miżuri li tista’ tħabbar il-Kummissjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en