Wirja Annwali mill-Għaqda Maltija ta’ L-Ortikultura
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino fetaħ uffiċjalment il-wirja annwali mtella’ mill-Għaqda Maltija ta’ l-Ortikultura fil-ġonna ta’ San Anton. Il-wirja hi mifruxa fuq jumejn bejn is-Sibt 5 u l-Ħadd 6 ta’ Mejju u ssir taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Edward Fenech Adami.
F’diskors qasir ta’ l-okkażjoni l-Ministru semma kif din il-wirja li daħlet sew fil-kalendarju annwali qed dejjem tikber fil-professjonalita’ u tgħin lil diversi bdiewa u raħħala sabiex jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom relatati mal-fjuri, ħxejjex, frott u pjanti lokali.
Il-Ministru Pullicino heġġeġ biex dawn il-wirjiet isiru aktar minn kull min jagħti l-impenn tiegħu favur l-ambjent. Tkellem dwar l-importanza tal-fjuri u l-pjanti li jagħtu dehra mill-isbaħ lill-ambjent f’pajjiżna. Xhieda ta’ dan l-impenn kontinwu huwa x-xogħol siwi u importanti, f’dak li hu proġetti ta’ tisbiħ li qed isir mill- konsorzju ELC.
Madwar Malta llum issib iktar minn 100,000 arbuxell (shrubs), mal-50,000 siġra u jiffjorixxu man-nofs miljun fjura fis-sena. Din is-sena biss diġa’ tħawwlu mal-95,000 fjura, 26,000 sġajra jew arbuxell u xi 1,500 sigra.
Il-Ministru Pullicino qal li inizjattiva li qed tirnexxi bis-sħiħ hija l-kampanja 34U. Il-mira din is-sena hi li jitħawwlu madwar 20,000 siġra. Is-sena l-oħra tħawlu b’kollox mas-16,000 siġra madwar Malta u Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en