Ħaddiem tas-Sena TA’ L-ISPTAR Monte Carmeli
Din is-sena bħas-snin l-imgħoddija ġie ppremjat il-ħaddiem tas-sena minn fost l-impjegati ta’ l-isptar Monte Carmeli. Dan sar waqt serata apposta l-Ġimgħa 4 ta’ Mejju fejn ġie premjat il-Ħaddiem tas-Sena 2006. Għall-ewwel darba ingħata wkoll premju lil aħjar team li ddistingwa ruħu matul is-sena li għaddiet.
Is-Sur Kevin Gafa’, infermier li jaħdem fil-Mixed Admission Ward ta’ l-isptar Monte Carmeli ntgħażel bħala l-Ħaddiem tas-Sena 2006. Is-sena l-oħra Kevin irnexxielu jikseb degree fil-Mental Health Nursing wara li spiċċa kors ta’ studju fil-Institute of Health Care. Kevin ħadem bis-sħiħ biex għall-ewwel darba, titwaqqaf għaqda għal dawk l-infermiera li jaħdmu fil-qasam psikjatriku. L-għan ta’ din l-għaqda hu li tixxerred informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ dawk l-infermiera li jaħdmu fil-qasam tal-kura mentali.
Il-Community Outreach Team magħmul minn Theresa Runza (Team Leader), Louis Ferrigi, Michael Gauci, Charles Mifsud, Paulann Spiteri u Mark Vassallo ġie magħżul bħala l-aħjar team. L-Outreach Team ilu jaħdem fil-komunità għal ftit aktar minn sena. Membri ta’ dan it-team iżuru pazjenti f’djarhom u jgħinuhom fil-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. B’hekk il-pazjenti jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’darhom mingħajr ma jkollhom il-ħtieġa li jidħlu fl-isptar.
L-għazla ta’ dawn il-ħaddiema hi bbażata fuq kemm juru dedikazzjoni u mpenn waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Jitqiesu wkoll l-inizjattivi li jittieħdu mill-ħaddiema nfushom u kemm ipoġġu l-pazjent fiċ-ċentru tax-xogħol tagħhom.
Għal din is-serata attendiet udjenza numeruża u fost il-mistednin distinti kien hemm il-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor Louis Deguara u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Helen D’Amato.
Stqarrijiet Oħra:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en