Introduzzjoni tal-Controlled Vehicular Access (CVA)
Is-sistema kkontrollata għall-aċċess fil-Belt Valletta laħqet l-oġġettiv ewlieni tagħha: li tnaqqas l-ammont ta’ nies li jipparkjaw ġurnata sħiħa matul il-ġimgħa fit-toroq kummerċjali u residenzjali tal-Belt u tħalli spazju għal min irid jinqeda’ mill-Belt kif ukoll għar-residenti. Minn statistika miġbura mis-sistema jidher li kien hemm zieda ta’ 32% ta’ vetturi li damu fil-Belt għal inqas minn siegħa u tnaqqis ta’ 60% f’dawk li damu aktar minn tmien siegħat (tneħħi r-residenti).
Mill-ewwel jumejn tas-sistema hu ċar li f’kull ħin tal-ġurnata fit-toroq tal-Belt hemm spazji għall-ipparkjar għal residenti u għal min irid jiġi minn barra. Miċ-ċifri li għandna jidher ċar li 35ċ (€0.82) fis-siegħa huma baxxi biżżejjed biex ma jaqtgħu qalb ħadd biex jidħol il-Belt bil-vettura tiegħu, filwaqt li Lm2.80 (€6.52) ta’ ġurnata huma għoljin biżżejjed biex iħajru ‘l impjegati għal mezzi ta’ transport alternattivi.
L-Oppożizzjoni kkummentat li din is-sistema hija taxxa ġdida. Kieku dan kien l-iskop, il-Gvern kien jgħolli l-V licence bħal ma ġara fil-passat.
Għall-ewwel darba din is-sistema qed toffri opportunita’ ta’ aċċess għall-Belt lil madwar 270,000 vettura, meta qabel setgħu jidħlu biss madwar 30,000 vettura li kellhom il-V licence. F’dawn l-ewwel jumejn biss, kien hemm żieda ta’ 34% fil-vetturi li daħlu l-Belt għal inqas minn nofs siegħa. Dawn setgħu jidħlu l-Belt biex jagħmlu l-qadjiet tagħhom minghajr il-ħtieġa tal-V Licence u bla problema ta’ parkeġġ.
Dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar li l-għan ta’ l-istrateġija li jonqsu l-ammonti ta’ vetturi li jidħlu l-Belt għal ħinijiet twal intlaħaq. Fl-istess ħin kien hemm żieda fin-numru ta’ vetturi li daħlu fil-Belt il-bieraħ bejn id-09.00 a.m. u s-2.00 p.m.. Mill-ewwel ġurnata deher ċar li min ried ibeżża’ li d-dħul tas-sistema tas-CVA kienet se toqtol il-kummerċ fil-Belt kien żbaljat. Kollox juri li aktar nies se jkollhom il-possibilita’ li jidħlu l-Belt u għalhekk din ser terġa’ ssir l-aktar shopping centre u ċentru ta’ attivita’ popolari mal-Maltin.
Għall-kuntrarju, l-ammont ta’ vetturi li daħlu u ħarġu l-Belt bejn is-07.00 u d-09.00 ta’ fil-għodu l-bieraħ naqas bi 15%, bir-riżultat li l-parkeġġ li kienu normalment jokkupaw tħalla liberu għal min daħal iżjed tard.
Is-Sistema tas-CVA għandha facilita’ innovattiva li toffri opportunita’ lis-sidien tal-ħwienet u stabbilimenti tal-Belt sistema ta’ Vouchers għall-klijenti tagħhom biex jipparkjaw fil-Belt. Dawn il-Vouchers jistgħu jinxtraw bi prezz imraħħas mill-uffiċini tas-CVA u mill-website tagħhom: www.cva.gov.mt.
Il-Gvern huwa mpenjat fuq proġett ta’ rijabilitazzjoni u konservazzjoni tal-Belt Valletta. F’dan ir-rigward il-Gvern qiegħed jagħmel investiment sostanzjali f’diversi proġetti bħal ma huma:
l-Park and Ride - nefqa kapitali ta’ Lm820,000 (€1,910,086.19); spejjez ta’ l-operat Lm160,000 (€372,699.74) fis-sena,
l-estenzjoni taż-żona pedonali fil-Belt u
l-introduzzjoni ta’ servizz pilota ta’ busexpress service - Lm3,600 (€8,385.74) għal xahar.
Dan kollu minbarra l-investiment fit-tisbiħ tal-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Hastings u fi żmien qasir l-investiment fil-pavimentar ta’ Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann.
Is-sistema tal-Park and Ride baqgħet toffri servizz effiċjenti u bla ħlas. Iċ-cifri juru li madwar 2,200 passiġġier jagħmlu użu minn dan is-servizz kuljum. Bħalissa l-ADT qiegħda tistudja l-possibilita’ li testendi ż-żona ta’ parkeġġ tal-Park and Ride fl-inħawi viċin ta’ Hornworks u Crownworks Ditches. L-ADT qiegħda tħares lejn 3 siti fuq art tal-Gvern biex jikkumplimentaw il-Park and Ride eżistenti. Qed tiġi studjata wkoll il-possibilita’ li testendi ix-shuttle service tal-Park and Ride għal żoni oħra tal-Belt.
Il-proġett pilota tal-bus express service beda jopera fuq żewġ rotot (Zurrieq u Mosta) mit-2 ta’ Mejju. Dawn il-lokalitajiet ġew identifikati fuq bażi ta’ perċentaġġ għoli ta’ residenti li jaħdmu fil-Belt Valletta. Dawn is-servizzi ġew introdotti bl-iskop li jiffaċilitaw l-aċċess lejn il-Belt billi joffru servizz express billi jgħaddu minn rotot aktar diretti u li jieqfu biss f’numru limitat ħafna ta’ bus stops. Dan jirriżulta mhux biss f’servizz minn karozzi tal-linja tar-rotta, iżda wkoll aktar konvenjenti minn vetturi privati.
Minkejja l-impatt ovvju fuq l-impjegati bis-sistema tas-CVA, u minkejja li l-karozzi tal-linja fuq is-servizz tal-bus express service għandhom inqas minn ħames snin u garantiti li jaslu l-Belt qabel karozza privata, xorta għad hemm lok fejn il-patrunaġġ jista’ jiżdied. Dan huwa servizz ta’ standard ogħla bla żieda fil-prezz u għalhekk il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jagħmel użu minnu.
Is-sena l-oħra l-ADT ħarġet sejħa għal provista ta’ ElectricMinicabs biex joperaw fil-Belt Valletta. Is-servizz ser jiġi introdott fl-Lulju li ġej. Ix-xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. L-ElectricMinicabs ser ikollhom aċċess sew għaż-żona pedonali kif ukoll għat-toroq l-oħra tal-Belt. Kull persuna ser tkun tista’ twaqqaf waħda minn dawn l-electric minicabs f’kull parti tal-Belt. L-Electric minicabs ser jiġu allokati postijiet strateġici ġol-Belt minn fejn ikunu qegħdin jistennew il-passiġġieri. Dawn jinkludu:
· Ħdejn il-Kon Kattidral ta’ San Gwann
· Bieb il-Belt
· Marsamxett (fejn jieqaf il-Ferry ta’ tas-Sliema)
· Dar il-Mediterran
· Ħdejn il-Palazz tal-President
· Ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja
· Fejn ser isir il-proġett tal-Vertical Connection
· Ħdejn il-Forti Sant’Iermu
Il-ħlas għal dan is-servizz se jvarja f’żewġ żoni bejn 45ċ (€1.05) u 90ċ (€2.10) skond id-distanza tal-vjaġġ. Servizz innovattiv f’dan is-settur ser ikun dak tad-Dial a Ride fejn persuni jistgħu iċemplu u jirriservaw il-vjaġġ tagħhom.
l-ADT bħalissa qed tevalwa wkoll sottomissjonijiet li daħlu wara li kienet ħarġet sejħa għall-offerti għal proġett tal-Vertical Connection. L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi parkeġġ organizzat taħt is-swar tal-Belt u servizz ta’ trasport vertikali bejn il-Foss ta’ Lascaris u l-Foss ta’ Bieb il-Belt. Dan il-proġett se jgħaqqad ukoll mas-servizz tal-laneċ li huwa ppjanat jidħol fis-seħħ aktar ‘l quddiem.
Wieħed mill-iskopijiet ewlenin ta’ l-istrateġija tal-Belt kienet u tibqa’ li jittejjeb l-ambjent madwar il-Belt Kapitali tagħna u b’hekk ikun hemm aktar apprezzament għall-valur storiku tal-Belt Valletta. Mezz ta’ kif dan l-iskop jintlaħaq huwa billi n-nies jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport u jużaw il-vetturi tagħhom b’għaqal.
Il-Gvern huwa mpenjat li jkompli b’dawn l-inizjattivi u l-investiment biex jiżgura ambjent aħjar u preservazzjoni tal-wirt storiku. Bl-isitess mod huwa meħtieġ l-impenn ta’ kulħadd b’mod partikolari ta’ min jaħdem il-Belt biex jagħmel użu minn dawn il-mezzi alternattivi li huma irħas, aktar komdi u frekwenti.
Other Press Releases:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en