Left arrow Go Back

L-International House torganizza workshop f’Għawdex

PR0641
Date Icon 04/05/2007

Il-membri tal-International HouseWorld Organisation (IHWO) li hija għaqda ta’ skejjel li jgħallmu l-lingwi mferrxa madwar id-dinja, unanimament qablu li jiltaqgħu f’Għawdex fl-10 ta’ Mejju 2007, għal workshop annwali tagħhom. 

L-IH Malta Gozo hija skola relattivament żgħira li toffri korsijiet fil-lingwa Ingliża u hija membru affiljat fl-International House.  Din l-iskola li tinsab fir-raħal pittoresk ta’ l-Għarb f’Għawdex, toffri s-servizzi tagħha lil suq speċifiku tas-settur turistiku f’ambitu ta’ livelli għoljin fil-kwalita’ u nnovazjoni fit-tagħlim u t-taħriġ tal-lingwa. 

Madwar tletin direttur tal-International House huma mistennija jattendu flimkien ma’ madwar sittin aġent turistiku li l-għan ewlieni tagħhom hu li jirreklamaw is-servizzi fit-tagħlim tal-lingwi offruti speċifikament mill-International House World Organisation. Dan il-workshop minbarra li se jesponi s-servizzi li wieħed jingħata mill-IH Malta Gozo f’dan il qasam, se jkun ukoll opportunita’ promozzjonali fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta. 

L-International HouseWorld Organisation twaqqfet fl-1953 u bħalissa għandha bħala membri fi ħdanha 130 skola mxerrda f’erbgħin pajjiż f’kull kontinent tad-dinja.  Hija tinsab fuq quddiem fost istituzzjonijiet oħra ta’ dan it-tip kemm ma’ dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim tal-lingwi lill-istudenti, kif ukoll fit-taħriġ ta’ l-għalliema li jaħdmu f’dan il-qasam.  

Ħafna mill-iskejjel membri jgħallmu numru ta’ lingwi moderni minbarra l-Ingliż u l-korsijiet li jiġu offruti huma maħsuba kemm għal dawk li jinħtieġu tagħlim ġenerali kif ukoll biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li jaħdmu f’setturi kummerċjali speċifiċi. Din l-organizzazzjoni toffri wkoll servizzi ta’ konsultazzjoni fit-taħriġ ta’ l-għalliema, għażla ta’ għalliema kwalifikati flimkien ma’ servizzi oħra marbuta ma’ l-amministrazzjoni ta’ skola ta’ dan it-tip. Tingħata mportanza wkoll lill-iżvilupp ta’ materjal ta’ taħriġ neċessarju u fil-fatt ħafna mill-għalliema ta’ l-International House kitbu numru ta’ kotba li huma wżati bħala textbooks f’dan il-qasam edukattiv. Fuq kollox l-International HouseWorld Organisation tagħti mportanza lill-persuna li trid titgħallem, li tgħallem, il-persuni li jaħdmu flimkien u l-persuni li jikkomunikaw flimkien. 

B’riferenza għal din l-attivita’, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono laqgħet din l-inizjattiva u esprimiet l-awgurju tagħha li dan il-qasam ikun settur turistiku ieħor li joffri opportunita’ lil Għawdex li jiġi rreklamat bħala destinazzjoni distinta. Il-Ministru semmiet ukoll kif Għawdex bis-saħħa tal-kultura bi-lingwistika tiegħu, f’dawn l-aħħar snin ibbenefika miż-żjajjar ta’ numru ta’ studenti kemm żgħażagħ kif ukoll adulti, li filwaqt li żaru lil Għawdex biex itejbu l-livell tagħhom fil-lingwa Ngliża, ħadu l-okkażjoni wkoll biex iqattgħu mumenti ta’ trankwillita’ fl-atmosfera idejali li jaf joffri Għawdex. Filwaqt li ferħet lid-diriġenti ta’ IH Malta Gozo għal din l-inizjattiva tagħhom, il-Ministru Debono esprimiet il-kunfidenza tagħha li Għawdex jibqa’ jibbenefika mis-suq tat-tagħlim tal-lingwi, speċjalment matul ix-xhur anqas popolari tas-sena. 

Matul iż-żjara tagħhom id-delegati u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li ser jiġu għal dan il-workshop ser jingħataw l-opportunita’ li jżuru t-tempji pre-istoriċi tal-Ġgantija flimkien ma’ żjara fiċ-Ċittadella u l-veduti panoramiċi li wieħed jista’ jgawdi minn fuq is-swar. Hu wkoll ippjanat li dawn il-viżitaturi jduqu ikel tradizzjonali Malti waqt mawra f’razzett li joffri servizz agri-turistiku. Huma ser jittieħdu wkoll fil-villaġġ tas-snajja f’Ta’ Dbieġi. Iż-żjara tagħhom fil-gżejjer Maltin tiġi fit-tmiem tagħha f’Malta fejn ser jiġu murija l-IH Malta Junior Centre u ċ-Ċentru l-ġdid għall-adulti li l-iskola għandha fis-Swieqi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow