Left arrow Go Back

700 sena ta’ storja f’palazz restawrat

PR0639
Date Icon 04/05/2007

“Il-proġett vast ta’ restawr, riabilitazzjoni u tisbiħ li l-Fondazzjoni Patrimonju Malti wettqet f’Palazzo Falson ġab lura għat-tgawdija tal-poplu Malti kollu storja ta’ 700 sena mhux biss ta’ l-istess binja, iżda wkoll ta’ l-Imdina u Malta.” 

Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta tkellem qabel ma’ l-Prim Ministru l-Onor. Lawrence Gonzi inawgura Palazzo Falson fl-Imdina.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Imdina kienet għal mijiet ta’ snin il-kapitali ta’ pajjiżna. Hu qal li meta nbena dan il-palazz, l-Imdina kienet diġa’ magħrufa bħala il-Belt jew Civitas. Hu qal li l-Imdina kienet iċ-ċentru ta’ l-amministrazzjoni tal-pajjiż u anke tan-nobbiltà li bniet palazzi u djar fejn toqgħod wara l-ħitan ta’ belt iffortifikata. 

“Palazzo Falson hu t-tieni l-aktar palazz antik fl-Imdina. Dan jaf il-bidu tiegħu fit-13-il Seklu u kien anke l-bini li laqa’ fih l-ewwel Gran Mastru ta’ Malta, Frà Philippe Villiers de l-Isle Adam meta l-Ordni tal-Kavallieri ta’  San Ġwann ingħatat il-gzira ta’ Malta mir-Re Spanjol bħala l-bażi tagħha. L-Isle Adam għex f’dan il-palazz għal 15-il ġurnata, bejn l-20 ta’ Ottubru u l-5 ta’ Novembru 1530,” qal il-Ministru Zammit Dimech li fakkar li fl-1927 dan il-palazz għadda f’idejn il-Kaptan Olaf Fredrick Gollcher li kien storiku dwar l-arti, kritiku ta’ l-arti u  bniedem li jinteressah ħafna l-wirt kulturali ta’ Malta.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan kollu wassal biex il-Kaptan Gollcher bena kollezzjonijiet kbar ta’ pittura, għamara, twapet orjentali ta’ kwalita’, fided u arloġġi. Hu qal li l-kollezzjoni li ħalla warajh il-Kaptan Gollcher fiha madwar 3,800 biċċa minbarra kollezzjoni ta’ 4,500 volum ta’ kotba ta’ storja Maltija u Ingliża.  

Il-Ministru Zammt Dimech qal li dan jagħmel minn dan il-palazz Mużew ħaj ta’ l-istorja Maltija, li ma kienx ikun dak li hu, li kieku ma kienx għall-Fondazzjoni Patrimonju Malti li b’investiment ta’ madwar Lm800,000 bidlet palazz li kien fi stat ħażin ta’ manutenzjoni, u litteralment jagħmel l-ilma minn kullimkien, f’monument ta’ storja. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-proġett jinkwadra b’mod eċċellenti fil-proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni li dan il-Gvern wettaq fl-Imdina fl-aħħar snin, fejn mhux biss ġew restawrati palazzi u djar storiċi, iżda tneħħew anke il-wires kollha minn mal-ħitan, tqiegħdu taħt l-art, u t-toroq kollha ġew pavimentati mill-ġdid. Hu qal li l-proġetti fl-Imdina jikkumplimentaw ukoll ir-restawr tad-Domus Romana u r-riabilitazzjoni u t-tisbiħ tal-Ġonna Howard biex flimkien dawn, huma llum park ta’ wirt storiku u kulturali u zona turistika mill-aqwa. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura radd ħajr lill-Kaptan Olof Fredrick Gollcher li ħalla lill-pajjiż dan il-wirt storiku imprezzabbli, lill-Fondazzjoni Patrimonju Malti għall-ħidma kbira tagħha biex dan il-palazz reġa’ ingħata d-dehra oriġinali tiegħu u lil Maurice de Giorgio, Chairman ta’ l-istess Fondazzjoni li mingħajr il-ħeġġa u l-ħidma disinteressata tiegħu, dan il-proġett ma kienx jiġi realizzat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow