Left arrow Mur Lura

L-AĦĦAR PREPARAMENTI GĦALL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-LOGĦOB TAN-NAR

pr0634
Date Icon 28/04/2006

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru it-tieni anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea din is-sena qed ikun organizzat għall-ewwel darba l-Festival Internazzjonali ta’ Malta tal-Logħob tan-Nar. Dan il-festival qed jieħu post il-festival li kien ikun organizzat mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qabel jiftaħ l-istaġun tal-festi parrokkjali fil-bliet u l-irħula kollha ta’ Malta u Għawdex. 

Il-festival ta’ din is-sena ser jinżamm fil-Port il-Kbir nhar is-Sibt u nhar il-Ħadd, 29 u 30 ta’ April. Fil-Festival ta’ din is-sena, organizzat mit-Taqsima ta’ l-Events tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura –  li ġabret flimkien taqsimiet fi ħdan l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti – se jipparteċipaw tliet kmamar tan-nar Maltin u tnejn barranin. Il-kmamar tan-nar Maltin huma l-15 ta’ Awissu tal-Mosta; Santa Marija ta’ l-Imqabba u San Mikiel ta’ Ħal-Lija. It-tnejn barranin huma ‘Jubilee Fireworks Company’ tar-Renju Unit u ‘Luso Pirotecnia Fireworks Company’ tal-Portugall. Matul il-jumejn tal-festival seba’ kmamar oħra tan-nar lokali se jipparteċipaw b’logħob tan-nar tradizzjonali Malti. Dawn jinkludu logħob tan-nar mekkaniku ta’ l-art. Wirja spettakulari ta’ piro-mużikali minn  ‘Orzella Fireworks’ ta’ l-Italja ser iġġib fit-tmiem dan il-festival. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech kien il-Valletta Waterfront fejn segwa l-aħħar preparazzjonijiet għall-Festival tal-Logħob tan-Nar. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-festival, li din is-sena ser jingħata bixra internazzjonali, daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. Hu qal li dan hu festival popolari sew mal-Maltin kif ukoll mat-turisti. Hu qal li għall-Maltin dan il-Festival jiġi ftit qabel il-festi parrokkjali li jsiru fil-bliet u l-irħula ta’ pajjiżna fejn il-logħob tan-nar hu ingredjent ewlieni taċ-ċelebrazzjonijiet. Għat-turisti din hi wirja li toffri dik il-qabża ta’ kwalità li qed naħdmu biex ikollna fil-prodott Malti. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena wkoll il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar qed jiġi organizzat bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li attività oħra organizzata mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura biex tfakkar dan l-anniversarju kien kunċert imtella’ mill-Orkestra Nazzjonali fit-Teatru Manoel. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’għeluq it-tieni sena mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea llum nifhmu aħjar x’inhuma l-vantaġġi ta’ din is-sħubija. Hu qal li tul dawn is-sentejn  pajjiżna se jkun irċieva Lm150 miljun ta’ għotjiet mill-UE filwaqt li fis-seba’ snin li ġejjin se jingħata 805 miljun Euro oħra. Hu qal li permezz ta’ dawn il-fondi pajjiżna seta’ jwettaq, u ser ikompli jwettaq, proġetti fl-oqsma ambjentali, edukattivi, turistiċi, kulturali u f’tant oqsma oħra li kieku ma kenux jitwettqu. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ser tkompli tħalli riżultati pożittivi kemm fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, kif ukoll fuq il-finanzi tal-Gvern, il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u l-impjiegi. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow