Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-GĦELUQ TAL-KONFERENZA NAZZJONALI ‘ADDRESSING THE PAIN: CHILDREN AND YOUNG PEOPLE WITH VERY CHALLENGING BEHAVIOUR’ ORGANIZZATA MILL-KUMMISSARJU GĦAT-TFAL - ĊENTRU PAPA ĠWANNI PAWLU II, Ħ’ATTARD

pr0633
Date Icon 28/04/2006
L-ewwelreazzjoni tiegħi għax-xogħol li ppreżentajtu llum hi grazzi!  Grazzi ovvjament lill-Kummissarju tat-Tfal li xprunat u kkoordinat din l-inizjattiva. Grazzi lil professjonisti u esperti li taw il-ħin, l-enerġija u l-esperjenza tagħhom.  Grazzi speċjali lit-tfal u ż-żgħżagħ li aċċettaw li għamlu għażla mhix faċli li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.  Naħseb li nista’ nitkellem għan-nom tal-Gvern u tal-komunità Maltija meta ngħid li dokument li għandu valur bħal dan huwa rigal li żgur ser jiġi apprezzat, imgawdi u utilizzat matul is-snin li ġejjin.
Jienau nisma’ l-osservazzjonijiet, l-informazzjoni li nġabret u r-riċerka li saret erġajt ikkonfermajt kemm is-serjetà u l-professjonalità fis-soċjetà Maltija qiegħda dejjem tiżdied.  Wieħed japprezza wkoll il-mod kif l-iżvilupp tal-professjonijiet ġodda, li wħud minnhom kelli x-xorti nippilota l-liġi tagħhom, qiegħed joħloq xeħtha iżjed sħiħa u integrata fil-mod kif naffaċċjaw is-sitwazzjoni tan-nies li jużaw is-servizzi tagħna.
Dinil-kultura ta’ viżjoni integrata tidher ċara kemm fil-partijiet diversi tax-xogħol li sar biex ingħaqdet il-pubblikazzjoni finali kif ukoll fil-proposti finali.  Jidher ċar li fil-każ tat-tfal u żgħażagħ b’imġieba diffiċli ħafna wieħed ma jistax jieqaf biss fuq l-imġieba iżda jeħtieġ li s-sitwazzjoni kollha tiġi indirizzata.
Il-bżonnli x-xibka ta’ kollaborazzjoni bejn Ministeri varji u atturi diversi għandha tissaħħaħ u titkabbar m’ huwiex biss bżonn għal dan il-qasam iżda huwa mod ġdid ta’ kif naħsbu u nindirizzaw il-progress u l-iżvilupp in ġenerali.  Nhar is-Sibt li għadda attendejt konferenza dwar l-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri li l-iżvilupp tal-pajjiż jeħtieġ viżjoni u strateġija li tikkunsidra l-aspetti kollha - l-aspett ekonomiku, dak uman, soċjali u ambjentali.  Għalkemm ngħaraf li dawn huma kunċetti li jitolbu ċertu bidliet fil-kultura li ma jsirux mil-lum għal għada, l-esperjenza tal-lum u ta’ nhar is-Sibt iqawwuli qalbi.
Kifjuri ċar dan ir-rapport, f’din ix-xibka, hemm vuċi esperta li ma tistax titħalla barra.  Din hija l-vuċi tat-tfal li qiegħdin fil-varji programmi u servizzi li qed insemmu llum.  Din il-vuċi għandha valur imprezzabbli għax titkellem fuq esperjenzi personali li setgħu kienu diffiċli u xi kultant ta’ tbatija, li mhux la kemm wieħed jiddeċiedi li jaqsam ma’ l-oħrajn.  Hu tassew ta’ min ifaħħar din id-deċiżjoni tagħkom, tfal preżenti llum u oħrajn li forsi ma setgħux ikunu preżenti, li taqsmu l-esperjenzi tagħkom u b’hekk tatu kontribut siewi għat-tfassil ta’ dawn il-proposti.  Ta’ dan nerġa’ nirringrazzjakom għan-nom ta’ kulħadd.  Il-maturità u l-kreattività tal-kontribut tagħkom, qed juru kemm hu importanti li l-vuċi tagħkom tinstema’ minn min għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjonijiet  dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħajja tagħkom.
L-artikolu12 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jitkellem ċar fuq il-parteċipazzjoni tat-tfal.  Nixtieq nifraħ lill-Kummissarju li għażlet dan l-artikolu bħala l-ewwel wieħed li għandha tisħaq fuqu u tqajjem iżjed għarfien dwaru fis-soċjetà.  Kif nafu kollha kemm aħna, kull dritt jimxi id f’id mar-responsabbiltà u l-għażla.  Hija ħaġa affaxxinanti li tara l-ideat ta’ kif irid jinsab bilanċ bejn id-dixxiplina u r-relazzjoni, bejn id-drittijiet u d-dmirijiet, bejn il-kontroll u l-awtonomija, joħorġu kemm mill-konvenzjoni tad-drittijiet, mill-professjonisti, kif ukoll mit-tfal stess.  B’dan il-mod ħarġet ċertu konsistenza li diġà tindika il-validità tal-proposti.
Tulis-snin rajna ħafna żviluppi, kif ukoll iltqajna ma’ sfidi ġodda.  Nifhem ukoll li kull ġurnata li tgħaddi fuq tifel jew tifla li qegħdin ibatu, tfisser li l-ġenituri, social workers, psikologi, għalliema, tobba, nurses, carers u dawk kollha li qed jieħdu ħsieb il-progress ta’ dik it-tifla jew tifel, jesperjenzaw sens ta’ urġenza biex ikomplu jagħmlu aktar u aktar għal dawn it-tfal.
Għalkemmforsi għad jonqosna, id-direzzjoni hemm qiegħda.  L-esperjenzi pożittivi li ġejjin minn servizzi li nħolqu matul l-aħħar snin bħaċ-Ċentru Aċċessli fih hemm il-Homestart Programme, iċ-Childcare and Family Centre u l-Adolescent Outreach.  Dawn is-servizzi qed juru liema huma dawk il-prattiċi li wieħed għandu jkompli jippjana u jiżviluppa fuqhom.
Nixtieqinsemmi żvilupp reċenti fejn il-Ministeri tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, tas-Saħħa u tal-Finanzi qegħdin fil-proċess li jagħmlu evalwazzjoni tas-servizzi attwali tal-YPU u l-High Support Services biex jaraw kif ir-riżorsi marbuta ma’ dawn is-servizzi jistgħu jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet partikolari tat-tfal li qed jirċievu s-servizz.  Nixtieq nenfasizza l-punt li din l-evalwazzjoni għandha l-iskop li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ għajnuna għal dawn it-tfal.
Fis-setturta’ l-edukazzjoni għadu kif tfassal dokument siewi, “Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll” li jintroduċi strateġija għall-bżonnijiet ta’ tfal b’imġieba diffiċli li jmorru lil hinn mill-bżonnijiet edukazzjonali.  Insibu, per eżempju, proċess sabiex nindunaw bid-diffikultajiet emozzjonali jew fl-imġieba tat-tfal sa minn etajiet żgħar, taħriġ professjonali u kontinwu għall-istaff ta’ l-iskejjel biex ikunu jistgħu jifhmu t-tfal iżjed u jaħdmu aħjar magħhom, ristrutturar tas-servizzi psiko-soċjali fl-iskejjel, it-twaqqif Team li jkun jista’ isegwi u jiggwida lill-istudenti u li joffri sapport anke lill-iskola fejn dawn it-tfal għal xi raġuni jew oħra qiegħdin iġibu ruħhom b’dan il-mod daqshekk diffiċli u iżjed opportunitajiet u sapport biex studenti jiġu integrati fil-klassijiet mainstream.  Dan ifisser li minkejja id-diffikultajiet, hemm żviluppi għaddejjin fid-direzzjoni t-tajba, li resqin lejn servizzi iżjed flessibli, iżjed adattati għal bżonn individwali u li għandhom viżjoni iktar sħiħa tas-sitwazzjoni.
BħalaPrim Ministru u ex-Ministru tal-Politika Soċjali, nagħraf li fil-waqt li sar ħafna, xorta waħda għad fadal ħafna xi jsir.  Konvint ukoll kif qalet il Kummissarju li t-tfal ma jistgħux u m’għandhomx jistennew.
Għalhekk,illum nixtieq inħabbar li nkarigajt il-Ministru Dolores Cristina biex il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali jikkoordina working group ta’ rappreżentanti mill-Ministeri tal-Ġustizzja, l-Edukazzjoni u tas-Saħħa biex, flimkien mal-Kummissarju, janalizzaw dawn il-proposti u jidentifikaw liema azzjonijiet jistgħu jittieħdu bla dewmien u liema azzjonijiet għandhom jiġu ppjanati għas-snin li ġejjin.  L-ewwel indikazzjonijiet huma li r-rakkomandazzjoni li għandu jinħoloq spazju fejn rappreżentanti ta’ l-oqsma kollha involuti jistgħu jiżviluppaw strateġija sħiħa u integrata għal dawn it-tfal, hija l-iktar waħda essenzjali.  Hija essenzjali għaliex nemmen li mingħajr din ma nistgħux naslu għal dik l-istampa ta’ servizzi li verament jaqdu l-bżonnijiet tan-nies b’mod sħiħ.  L-idea għandha tkun li din l-istampa ta’ servizzi ma tibqax waħda statika, qisha biex ngħidu aħna bħal ritratt ġo frame, iżda ssir iżjed tixbaħ film, fejn kull tifel u tifla jistgħu jsibu dik il-parti li iżjed tgħodd għalihom, fejn, kif qalu t-tfal stess, ikunu jistgħu jiġu ndirizzati il-bżonnijiet individwali tagħhom, bħal bżonn li jibnu relazzjoni sinnifikanti ma’ xi ħadd jew li jibqgħu fil-komunità.
Mill-preżentazzjonili għamiltu llum, jidher li dan ix-xogħol għandu proprja dawn il-kwalitajiet essenzjali.  Filwaqt li nerġa’ nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzjakom ta’ dan l-eżempju tajjeb ta’ kollaborazzjoni u viżjoni sħiħa li ġġor magħha din il-pubblikazzjoni, ngħalaq billi nirringrazzja l-Kummissarju tat-Tfal talli bil-ħidma tagħha wasslitilna b’mod ċar u organizzat il-vuċi tat-tfal.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow