IL-MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ JATTENDI LAQGĦA NFORMALI GHALL-MINISTRI TAS-SAĦĦA EWROPEJ FI VJENNA
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita`, l-Onor. Dr Louis Deguara, din il-ġimgħa attenda laqgħa nformali għall-Ministri tas-Saħħa Ewropej fi Vjenna organizzata mill-Presidenza ta` l-Unjoni Ewropea, l-Awstrija.
Fost affarijiet oħra, l-Ministru Deguara tkellem dwar il-marda tad-Diabete u l-kumplikazzjonijiet li din tikkawża lil dawk li jbatu minnha. Hu wera t-tħassib tiegħu, bħal Ministri l-oħra kollha preżenti, dwar il-mod kif din il-marda kull ma jmur qegħda dejjem tinfirex.
Il-Ministru qal li Malta tirrakkommanda l-bżonn li tittieħed azzjoni komuni biex tiġi miġġielda din il-marda u esprima l-fehma li biex din il-problema tingħeleb, hemm il-ħtieġa ta` miżuri diffiċli li jikkonċernaw l-industrija ta` l-ikel, il-biedja u l-ippjanar urban. Hu qal li forsi wkoll wasal iż-żmien li wieħed jibda jikkunsidra r-regolamentazzjoni ta` riklami mmirati lejn it-tfal, l-aktar f’dak li jirrigwardja ikel li mhux sustanzjuż. Din il-miżura trid tkun kumplimentata b’finanzjar għall-programmi edukattivi fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol li jippromwovu u jħajru għal dieta bnina u sustanzjuza.
Malta, kompla l-Ministru, tħoss li f’kull livell ta` attivita` fl-Unjoni Ewropea, speċjalment fis-setturi tar-riċerka u l-farmaċewtika, l-importanza tal-problema tad-diabete għandha dejjem tkun emfasizzata.
Il-Ministru kkonkluda li azzjonijiet effettivi li jnaqqsu l-inċidenza u l-kumplikazzjonijiet tad-Diabete għandhom jittieħdu llum qabel għada.
Matul din il-laqgħa ġie suġġerit biex fid-dokument uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea ssir referenza dwar il-kwalitajiet benefiċi tad-dieta Mediterranea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956