Jitnieda l-eVERA – Servizz elettroniku li permezz tiegħu persuna tista’ tirreġistra l-liċenzja tal-vettura ‘online’
Il-Ministru ghall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informatika, l-Onor. Austin Gatt fisser l-eVERA bhala l-akbar servizz elettroniku s’issa. Dan is-servizz jinteressa lil madwar 200,000 klient u għaldaqstant huwa l-aktar servizz li jolqot klienti u l-aktar wieħed li għandu jkollna domanda għalih. Fil-fatt sakemm ħallejna s-sistema taħdem qabel għamilna xi pubbliċità għaliha, (biex inkunu ċerti li taħdem sew u nagħmlu l-arranġamenti u l-irfinar li jkollha bżonn), diġà 20% tat-tiġdid tal-liċenzji sar b’mod elettroniku. Dan ifisser li s’issa wieħed minn kull għaxar persuni fl-aktar kjù proverbjali f’Malta, ma kienx hemm.
Il-Ministru Austin Gatt kien qed jitkellem, meta flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett nieda s-servizz ta’ l-eVERA, servizz li permezz tiegħu, persuna tista’ ġġedded il-liċenzja tar-reġistrazzjoni tal-vetturi permezz ta’ l-internet.
Il-Ministru Austin Gatt qal li għax hi l-akbar sistema u l-aktar li tolqot klienti, kienet fl-esperjenza tagħna wkoll, l-aktar sistema diffiċli biex nikkonkludu. Diġà fil-programm ta’ l-eGovernment tas-sena 2000, meta konna għadna nibdew l-eGovernment, wieħed mill-ewwel għaxar proġetti li bdejna, kellu jkun dan. Imma rriżulta ħafna aktar kumplikat milli bsarna. L-akbar kumplikazzjoni ma kienitx teknoloġika, imma kif il-Gvern ser jaħdem id f’id ma’ l-operaturi privati fil-qasam ta’ l-assikurazzjoni u l-VRT garages, biex il-klient jieħu servizz wieħed mingħajr skariġġ minn post għal ieħor.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li t-tiġdid tal-liċenzji tal-vetturi ‘online’ hija l-aħħar minn sensiela ta’ miżuri li ddaħħlu fl-aħħar sena u nofs biex tiżdied l-effiċjenza fid-Direttorat tal-Liċenzji u Ttestjar (DLT) tal-Awtorità dwar it-Trasport.
“Ir-riforma fl-użu tar-riżorsi umani tad-Direttorat u l-ingaġġ ta’ ‘part-timers’ biex jaħdmu fid-Direttorat waqt ‘peak hours’ u granet meta jkun mistenni aktar xogħol, wassal għal aktar flessibilità fid-DLT. Iddaħħlu wkoll bosta miżuri ġodda oħra, fosthom:
1. Ir-rijorganizzazzjoni tal-ikkjuwjar fid-Direttorat li tiffaċilita t-tiġdid tal-liċenzji individwali.
a. Kju għall-K u GY plates
b. Ġiet introdotta sistema għat-tiġdid tal-liċenzji tal-vetturi f’daqqa.
2. Ġew riorganizzati wkoll is-sistemi u l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda u wżati li wasslet għal tnaqqis ta’ karti u xogħol.
3. Iddaħħal Customer Care Unit fid-Direttorat innifsu.
“Dan it-titjib wassal għal żieda gradwali fl-effiċjenza tad-Direttorat u għalhekk għal tnaqqis drastiku fil-ħinijiet ta’ stennija tal-klienti, tant li l-istennija massima għal tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan niżlet għal 5 minuti filwaqt li l-istennija massima fl-aħħar tax-xahar għal tiġdid tal-liċenzja tal-karozza niżlet għal 20 minuta,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
Żgur li l-ewwel ħaġa li se japprezzaw il-klienti li ser jużaw dan is-servizz, huma l-vantaġġi ovvji li dejjem nitkellmu fuqhom meta nibdew servizz elettroniku ġdid, jiġifieri anqas telf ta’ ħin fil-kjù u allura kumdità akbar. Iżda għalina hemm aspetti anke aktar importanti minhekk, li l-pubbliku jibda josservahom kif jgħaddi ż-żmien.
Il-Ministru Austin Gatt minn naħa tiegħu żied li fil-kampanja li qed nagħmlu magħrufa bħala Kick Start, man-negozji Maltin qed nipprovaw nippromwovu kultura ta’ servizzi elettroniċi mogħtija mis-settur privat ukoll. Din hi kultura li għadha lura f’Malta. In-negozji Maltin m’humiex neqsin mill-eżempju tal-Gvern iżda aħna nafu li l-akbar eżempju li se jkaxkar se jkun l-eżempju ta’ l-ewwel intrapriżi privati.
Id-differenza fil-livell ta’ dan is-servizz ser tkun bejn insurance (fornitur jew sensar) jew oħra. Ser tkun id-differenza jekk wieħed jinqediex għal kollox mid-dar (għax l-insurance tiegħu tipprovdilu s-servizz kollu b’mod elettroniku) jew iridx imur l-uffiċju ta’ l-insurance personalment.
Fi kwalunkwe każ, qtajna l-bżonn li wara l-insurance wieħed ikollu jmur fiżikament id-Dipartiment tal-Liċenzji. Meta wieħed imur l-insurance, minn hemm stess u immedjatement se jtuħ id-diska tal-liċenzja. Dan is-servizz qed ivara aspett ieħor li rridu nibdlu fil-mod kif il-klienti jinqdew. F’dawn l-aħħar sitt snin, il-Kunsilli Lokali kienu pont importanti bejn il-Gvern ċentrali u dawk l-individwi li jridu jinqdew b’mezzi elettroniċi u m’għadhomx aċċess dirett għat-teknoloġija.
Prattikament, minflok il-front office ċentrali tradizzjonali (wieħed il-Belt u l-ieħor ir-Rabat Għawdex), kull belt u raħal sar għandu front office għas-servizzi kollha tal-Gvern. Imma issa rridu mmorru pass ‘il quddiem.
Is-sistema tal-liċenzji tal-vetturi ‘on line’ tagħmel lill-uffiċji ta’ l-insurances jew tal-brokers, aġenti tas-servizz pubbliku tal-liċenzjar tal-karozza. Dan jagħmel ħafna sens għax fuq kollox is-servizz pubbliku li jipprovdu l-Gvern hu marbut mas-servizz privat li joffri l-insurer. Qed niżviluppaw politika fejn dawn il-fornituri u oħrajn (ħwienet lokali, uffiċji li jaqdu lill-pubbliku, eċċ) isiru aġenti tas-servizzi pubbliċi għall-klienti tagħhom. L-istess bħalma qed jiġri ma’ l-insurances, il-pubbliku ma jintalabx iħallas aktar għax flok qed jidħol il-Belt (jew il-Kunsill) qed jinqeda minn aġent privat. L-aġent privat jipprovdi dan is-servizz m’hux għax se jitħallas aktar, iżda għax se jipprovdi lill-klient servizz b’valur aħjar li jagħmlu aktar kompetittiv minn oħrajn, li dan is-servizz ma jipprovduhx.
Semmejt aktar kmieni li dan il-proġett ilu fuq l-aġenda mis-sena 2000 u tkellimt qishom għaddew snin twal. Fil-verità l-ambizzjonijiet tagħna huma għoljin u tajjeb nirrikonoxxu li fi żmien qasir ħafna, wasalna l-bogħod tassew. M’hux kulħadd japprezza mill-ewwel li l-livell ta’ integrazzjoni bejn Dipartimenti differenti u bejn Gvern u Privat, li daħħal dan is-servizz - m’hux biss l-ewwel wieħed għal Malta, imam wkoll l-ewwel wieħed fl-Ewropa. Infatti, www.licenzji-vetturi.gov.mt hu l-ewwel servizz fl-Ewropa li jintegra daqshekk elementi biex jipprovdi servizz sempliċi u waħdieni.
L-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet dan meta semmiet dan il-proġett bħala EU Best Practice: mudell għal pajjiżi oħra. Fil-laqgħa tal-Ministri tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni f’Manchaster f’Diċembru li għadda, dan is-servizz kien finalista fil-‘Best Practice Rankings’ Ewropej ta’ din is-sena.
Is-servizzi elettroniċi li ħames snin ilu kienu għadhom biss ħolma qed jimmaterjalizzaw f’tibdil reali fil-mod kif naħdmu. Qed jeqirdu wkoll dak il-livell ta’ klienteliżmu f’livell żgħir li waħdu forsi taħseb li m’hux serju, imma li bir-raġun idejjaq lil min ma jgawdix minnu. Kull min stenna fil-kjù tad-dipartiment tal-liċenzji biex iġedded il-liċenzja tal-karozza tiegħu, ra lil xi ħadd b’xi għoxrin liċenzja differenti biex iġedded ta’ flotta sħiħa jaqbeż il-kjù għax iqabbżu xi ħadd. Dan hi bidla kulturali oħra li qed iġibu s-servizzi elettroniċi: id-demokratizzazzjoni tas-servizz pubbliku.
Il-Ministru Mugliett minn naħa tiegħu spjega li s-suċċess tas-sistema ta’ tiġdid ta’ liċenzji online kien ċar lejn tmiem is-sena l-oħra, meta l-insurers ingħataw l-aċċess għaliha u għalhekk setgħu jibdew joħorġu l-liċenzji mill-uffiċini tagħhom stess. Ir-rata ta’ liċenzji li qed jiġġeddu online fil-fatt kważi rduppjat minn Diċembru ‘l hawn.
“L-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett kien jinvolvi bosta stakeholders differenti. In-negozjati ma’ dawn kollha spiss ma kienux faċli u għalhekk nirringrazzja lil dawk kollha nvoluti għall-koperazzjoni li wrew biex din is-sistema tkun suċċess,” qal il-Ministru Mugliett.
“Issa nistgħu nibdew inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess bl-iżvilupp ta’sistemi informatiċi oħrajn, fosthom it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan online u sistema oħra biex issir registrazzjoni ta’ vetturi ġodda,” temm jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956