PUNTI MILL-KONFERENZA STAMPA TA’ L-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI, DWAR ENERGY SAVING SCHEMES
Bħal ma jaf kulħadd, partikolarment permezz tar-rapporti li joħorġu kontinwament fil-media, il-kriżi taż-żejt laqtet mhux biss lid-dinja kollha, imma anke lil pajjiżna wkoll. Forsi lilna aktar minn ħaddieħor minħabba l-fatt li aħna niddependu fuq l-enerġija mhux biss biex nipproduċu d-dawl elettriku, iżda wkoll biex nikkonvertu l-ilma baħar f’ilma li jkun jista’ jinxtorob. Il-Gvern huwa konxju li l-effetti tas-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl fid-djar tagħna għandhom piż fuq kulħadd, u għalhekk qed joqgħod attent biex, mhux biss jerfa’ ftit mill-impatt tiegħu hu stess, iżda anke li jara kif jinċentiva lill-pubbliku biex jinvesti u jagħmel użu aħjar minn sistemi alternattivi ta’ l-enerġija.
Il-Gvern jirrikonoxxi li l-edukazzjoni mhux biżżejjed biex tbiddel il-mentalita’ tal-poplu u tinkoraġġih biex jinvesti f’sistemi alternattivi ta’ l-enerġija. Għalhekk, wara li fil-Budget tas-sena 2005 ħabbarna numru ta’ inizjattivi marbuta partikolarment ma’ l-installazzjoni ta’ solar water heating systems, din is-sena qegħdin mhux biss nestendu din l-inizjattiva u nżidu l-inċentiv marbut magħha, iżda wkoll nintroduċu numru ieħor ta’ inizjattivi.
Rifużjoni fuq l-investiment inizjali għal solar water heating systems
Fil-Budget 2005 ħabbarna din l-inizjattiva sabiex ninkoraġġixxu aktar familji jinvestu f’sistemi ta’ solar water heating u b’hekk jagħmlu użu aħjar minn sistemi alternattivi ta’ enerġija, u wara li r-rispons min-naħa tal-pubbliku Malti u Għawdxi kien pożittiv, il-Gvern iddeċieda li mhux biss jestendi din l-inizjattiva għal sena oħra, iżda anke jgħolli l-persentaġġ ta’ rifużjoni għal 25% sa massimu ta’ Lm100. L-inizjattiva mħabbra fil-Budget 2005 kienet għal rifużjoni ta’ 15% sa massimu ta’ Lm50.
Matul is-sena 2005, il-Ministeru tal-Finanzi rċieva 358 applikazzjoni għal rifużjoni fuq investiment ta’ solar water heating systems, u konsegwentement ingħata total ta’ Lm17,650 f’rifużjoni fuq dawn l-applikazzjonijiet. S’issa, il-Ministeru rċieva 263 applikazzjoni, ekwivalenti għal Lm23,950 f’rifużjoni. Dan juri biċ-ċar li aktar familji qed jattiraw ruħhom għal din l-inizjattiva u qed jinvestu f’sistemi bħal dawn.
Biex nagħtu eżempju prattiku, solar water heating system bi speċifikazzjonijiet medji li ma jinkludux spejjeż ta’ plumbing, tiswa’ madwar Lm650 fis-suq. B’hekk, familja li tinvesti f’dan l-ammont tingħata Lm100 f’rifużjoni. Pero’, wieħed ma jridx jara biss l-investiment: il-konsum li jiġi ffrankat huwa ta’ benefiċċju għal min jinvesti f’dawn is-sistemi. Jekk il-prezz taż-żejt jibqa’ jogħla, huwa kkalkulat li sistemi bħal dawn jiffrankaw 700 Kwh (kilowatt hour) kull ġurnata, jiġifieri Lm53 f’konsum fl-ewwel sena, Lm62 f’konsum fil-ħames sena, u Lm75 f’konsum fl-għaxar sena. Jekk wieħed jikkalkula li dan l-investiment iservi għal għaxar snin, familja medja tkun iffrankat Lm633 f’konsum.
Il-Gvern ħaseb ukoll biex jestendi din l-inizjattiva għal wind energy systems u sistemi ta’ insulation fuq il-bjut għal djar privati, bl-istess kundizzjonijiet ta’ solar water heating systems.
Rifużjoni fuq investiment inizjali għal sistema fotovoltajka
Kif imħabbar fid-diskors tal-Budget ukoll, il-Gvern ser jinkoraġġixxi l-użu ta’ sistemi fotovoltajċi (PV systems) fid-djar domestiċi. Dawn is-sistemi jikkonvertu l-enerġija ġenerata mix-xemx u għal dan il-fatt huma magħrufa f’pajjiżi bi klima simili għal ta’ pajjiżna. Is-sistemi fotovoltajċi jistgħu jiġu konnessi faċilment mal-grid nazzjonali u b’hekk jgħinu biex il-pajjiż ikopri ftit mill-peak demand tal-elettriku għal matul il-ġurnata. Kwalunkwe dar tista’ tibbenefika minn kont irħas ta’ l-elettriku billi tinstalla sistema bħal din.
L-ewwel miżura fil-budget hija inċentiv fuq l-investiment inizjali biex tinxtara sistema fotovoltajka. Din tapplika għall-konsumaturi domestiċi biss. Kwalunkwe konsumatur domestiku li jinvesti f’sistema bħal din jirċievi rifużjoni ta’ 20% sa massimu ta’ Lm500 għall-ewwel kilowatt peak (kWp) installat. Jekk sistema jkollha aktar minn kilowatt peak, allura tingħata rifużjoni sa massimu ta’ Lm250 għal kull kilowatt peak aktar mill-ewwel kilowatt peak. Dan sa massimu ta’ 3.7 kilowatt peak. Barra minn dan, l-Enemalta se tbiddel il-meter tad-dawl neċessarju għal din is-sistema mingħajr ebda ħlas, jiġifieri Lm20 f’installazzjoni tal-meter se tkun eżentata.
Tajjeb wieħed jgħid li ftit mill-elettriku ġenerat mis-sistema fotovoltajka tintuża mid-dar stess. Il-kumplament ta’ l-elettriku ġenerat u mhux użat fid-dar jiġi mibjugħ lill-Enemalta. Għal dan il-għan, il-proċess hekk imsejjaħ net metering jew aħjar tpartit, ser jiġi introdott. Tpartit ifisser li l-elettriku kollu li jkun mibjugħ lill-Enemalta ser ikun imnaqqas mill-konsum ta’ units li jkunu nxtraw mill-Enemalta. B’hekk id-djar tagħna ser jirċievu biss kont tad-differenza bejn iż-żewġ readings.
Biex nagħtu eżempju prattiku, jekk familja tixtri 6,000 unit ta’ elettriku mill-Enemalta, u s-sistema fotovoltajka tiġġenera 2,000 unit ta’ elettriku li ma jintużax mid-dar stess, anke għaliex f’ħafna mill-ħin ta’ matul il-ġurnata ma nkunux fid-djar, allura din il-familja tirċievi kont mill-Enemalta għal 4,000 unit ta’ elettriku. Din hija d-differenza bejn il-units li jkunu nxtraw u dawk mibjugħin. Din is-sistema ta’ tpartit kienet mħabbra għas-settur domestiku u l-possibilta’ li din tiġi estiża għas-settur kummerċjali għadu qed jiġi diskuss.
F’eventwalita’, anke jekk mhux daqshekk komuni, li familja tiġġenera aktar units mis-sistema fotovoltajka milli tikkonsma mill-Enemalta, allura s-surplus ta’ units jinbiegħu lill-Enemalta bi 3ċ għal kull unit.
Il-Gvern jixtieq ifakkar lill-pubbliku li ma hemmx għalfejn ikollu permess jew notifika tal-MEPA għal installazzjoni bħal din, sakemm din l-installazzjoni ssir skond il-linji gwida għal sistemi fotovoltajċi maħruġa mill-MEPA fl-2005. Min-naħa l-oħra, tajjeb wieħed ifakkar li qabel wieħed jinstalla din is-sistema fid-dar tiegħu, hemm bżonn li jinnotifika lill-Awtorita’ Maltija tar-Riżorsi (Malta Resources Authority) skond ir-regolamenti ta’ l-elettriku.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956