Is-siewi tal-qari tal-kotba
“Min jaf jaqra imma ma jaqrax m’għandu l-ebda vantaġġ fuq min ma jafx jaqra u għalhekk, filwaqt li rridu nkomplu naħdmu biex l-illitteriżmu f’pajjiżna jkompli jonqos, irridu wkoll naħdmu biex dawk li jafu jaqraw, jagħmlu dan b’mod regolari.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta llum żar l-attivitajiet li qed isiru għat-tfal fiċ-Ċentru tal-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bħala parti mill-attivitajiet f’Jum il-Ktieb.
L-attivitajiet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bdew fis-17 ta’ April, meta saru żewġ stallazzjonijiet artistiċi bl-iskop li jħajjru lill-pubbliku jaqraw aktar. L-attivitajiet komplew fit-23 ta’ April, Jum il-Ktieb, kif ukoll illum it-Tnejn, 24 ta’ April biex aktar tfal ta’ l-iskola setgħu jipparteċipaw.
Matul il-ġurnata saru attivitajiet li kienu jinkludu letteratura kantata, qari ta’ stejjer minn personalitajiet Maltin, stejjer bl-istampi minn awturi u artisti Maltin, u sessjoni ta’ kitba kreattiva biex it-tfal jitgħallmu jpoġġu l-ideat kreattivi tagħhom fi kliem fuq karta.
Louis Galea qal li l-qari huwa aktar importanti llum minn qatt qabel u huwa kruċjali li kulħadd jagħraf li biex tirnexxi fil-karriera tiegħek, irid ikollok l-għodod li jgħinuk tikseb l-informazzjoni.
Il-Ministru qal li filwaqt li darba kien hawn il-biża li t-teknoloġija kienet se tnaqqas mill-importanza tal-ktieb, illum insibu li l-kompjuter u media oħra ta’ tagħlim mhux talli ma ħadux post il-ktieb, imma li kkomplimentawh u ħolqu aktar interess fil-kotba u l-qari.
Il-Ministru Galea sostna li l-ġenituri għandhom ikunu jafu li t-tfal li jaqraw imorru aħjar fl-edukazzjoni tagħhom u dan għaliex iwessgħu l-immaġinazzjoni tagħhom, jintlew b’aktar idejat u jistgħu jitkellmu b’aktar ħeffa u b’vokabolarju usa. “Snin ilu qabel l-introduzzjoni tat-televiżjoni, videos, video games u l-internet, il-qari tista’ tgħid kien il-passatemp favorit ta’ ħafna. Iż-żgħażagħ kienu jqattgħu ħafna siegħat jaqraw, jimmaġinaw u jitgħallmu. Illum it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ħafna aktar għodod tat-tagħlim u forsi anke aktar distrazzjonijiet u għalhekk hemm bżonn li l-qari isir attrazzjoni u jiġi ppreżentat f’forma li jressaq lejh tfal minn eta’ bikrija.” Louis Galea sostna li kull ġenitur jaf li t-tfal jikkupjaw lill-ġenituri tagħhom f’kollox u għalhekk kull ġenitur għandu jaqbad ktieb jew gazzetta jew magazine b’idejh u jaqra b’mod regolari idealment fil-preżenza tat-tfal. “Aktar ma nikkreaw ambjent ta’ mħabba lejn il-qari fid-dar, aktar it-tfal jikbru iħobbu l-qari.”
Il-Ministru qal li l-libreriji qed jattrezzaw ruħhom tajjeb għall-isfidi li qed jiffaċċjaw illum billi jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-qarrejja kotba attrajenti, kotba ta’ kull ġeneru għal kull qarrej, indirizzati li jolqtu kull tip ta’ gosti u anke billi jużaw it-teknoloġija moderna biex iħajjru aktar nies jaqraw. Il-libreriji joffru wkoll kotba u tip ta’ medja oħra għal nies bi bżonnijiet speċjali u nies li huma lletterati. Dan biex il-familja ta’ qarrejja Maltin u Għawdxin dejjem tikber. Hija l-viżjoni tad-Dipartiment tal-Libreriji li kull ċittadin isir membru tal-Librerija. Biex dan iseħħ id-Dipartiment tal-Libreriji qed jaħdem mal-Kunsilli Lokali biex ikomplu jressqu l-ktieb lejn il-qarrej.
Louis Galea tenna li s-self ta’ kotba minn sena għal sena qed jiżdied u hu mistenni li jkompli jikber fil-futur. Il-Ministru semma wkoll il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li qed jaħdem biex itejjeb il-ktieb Malti billi jinħoloq “Charter” ta’ kwalità fil-produzzjoni tal-Ktieb u billi jħajjar aktar kittieba jippublikaw kotba sbieħ u ta’ nteress għal kull settur fl-oqsma ta’ l-għerf.
Il-Ministru Galea faħħar liċ-Ċentru tal-Kreattività li għal dawn l-aħħar snin organizza attivitajiet kreattivi fil-jum dedikat lill-qari u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awturi. Louis Galea awgura li inizjattivi favur il-qari jkomplu jsiru matul is-sena kollha, għax il-qari hu verament għodda mportanti ħafna fl-iżvilupp tal-bniedem u bħalma nkunu l-ħin kollu bbumbardjati b’riklami biex nagħmlu ħaġa jew oħra, tajjeb ukoll li nkunu mħeġġa l-ħin kollu biex naqbdu ktieb u naqraw.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956