Left arrow Mur Lura

INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TAL-PAVIMENTAR TA’ L-IMDINA

pr0597
Date Icon 22/04/2006

Impenn tal-Gvern favur ir-restawr, ir-rijabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-Wirt Storiku ta’ Pajjżna

“Dan il-proġett huwa xhieda tal-mod li qed jaħdem bih dan il-Gvern’  Il-Gvern jistenna standards ta` l-aqwa livell għax hekk jixraq lill-poplu tagħna u lill-pajjiżna. Dan huwa proġett li jagħmel gieħ lilna bħala poplu.” Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi qal dan waqt li inawgura uffiċjalment il-proġett tal-pavimentar ta’ l-Imdina. Huwa tkellem ukoll dwar il-mod kif ġie utilizzat ir-riżors uman fi ħdan il-Gvern b`aċċenn għall-haddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u rringrazzja lil kull min b`xi mod ħadem fuq dan il-proġett; il-Gvern huwa mpenjat li jkompli jaħdem fuq proġetti bħal dan. Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi qal li huwa d-dmir ta` kull wieħed u waħda minnha li nindukraw u ngħożżu postijiet bħal mhu dak ta` l-Imdina li hija waħda mil-egħjun ta` l-indentita` Maltija. 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Ninu Zammit qal li x-xogħol ewlieni kien jikkonsisti fi tqegħid ta’ ‘l fuq minn 10,500 metru kwadru ta’ pavimentar li jkopri tmintax il-triq, tlett sqaqien u seba’ pjazez. L-ispiża relatata mal-pavimentar tlaħħaq is-somma ta’ madwar Lm600,000 filwaqt li x-xogħlijiet tal-mgħoddija u/jew installazzjoni mill-ġdid tas-servizzi kienet tammonta għal madwar Lm500,000, li tfisser li l-proġett kollu jaqbeż is-somma ta’ Lm1 miljun. Dan kollu huwa xhieda qawwija tal-politika tal-Gvern li filwaqt li jtejjeb il-livelli ta’ l-għejxien tal-poplu kollu, fl-istess ħin qed ikompli jsebbaħ l-ambjent ta’ madwarna, b’enfażi partikolari fuq ir-restawr, ir-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, tenna l-Ministru Ninu Zammit. 

Hu kompla billi ta spjegazzjoni qasira tax-xoghlijiet estensivi relatati mal-proġett tal-pavimentar. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f’tibdil tal-mains tad-drenaġġ u l-ilma u installazjoni ta’ network ġdida taħt l-art flimkien mat-tisħiħ tas-sistema ġdida ta’ l-elettriku. Hawnhekk il-Ministru enfasizza li għall-ewwel darba f’pajjiżna għandna belt sħiħa b’sistema ta’ l-elettriku kollha minn taħt l-art. Dan ix-xogħol fil-biċċa l-kbira tiegħu kien sar fis-snin l-imgħoddija u għalkemm sar xi tibdil f’xi sistemi fosthom fl-istreetlightning, u t-tneħħija ta’ kilometri ta’ cables li kienu mdendlin mal-bini kollu ta’ l-Imdina, ix-xogħol li sar fl-aħħar sena u nofs kien ikkonċentrat fl-illevelar tal-bażi tal-konkos u fi preparamenti oħra qabel ma’ eventwalment beda l-iċċangar bil-ġebla tal-qawwi ta’ l-Imdina kollha. Il-Ministru semma wkoll il-manifatturar ta’ madwar 600 manhole u t-tpoġġija tagħhom, li kollha gew maħduma u mpoġġija mill-ħaddiema tal-Gvern.  

Ma’ dan kollu saret ukoll sistema ta’ illuminazzjoni ma’ diversi monumenti u knejjes jew kappelli li jinsabu f’din il-belt, li tinkludi wkoll il-Katidral u d-daħla prinċipali. Waqt l-eżekuzzjoni tal-proġett ġew rispettati l-livelli tal-bini eżistenti kif ukoll il-qlib ta’ l-ilma tax-xita u llum il-pavimentar juri bl-aktar mod ċar il-preċiżjoni tal-livellar li jaqbel ma’ kull triq, sqaq jew pjazza. 

Il-Ministru Zammit kompla billi stqarr li fi proġett daqstant ambizzjuż ma jistax jonqos li jinqalgħu problemi mhux mistennija fit-tfassil.  Dawn kienu diversi, minn sejba ta’ skavi fi Pjazza San Pawl sa problemi relatati ma’ l-importazzjoni ta’ l-istess materjal użat fil-pavimentar. Ma’ dawn wieħed irid isemmi wkoll il-problemi relatati mat-twettiq tax-xogħlijiet li minħabba d-djuq ta’ ċertu sqaqien jew toroq kienet diffiċli li wieħed jopera b’ċertu nġenji u għaldaqstant dawn komplew jagħmlu x-xogħlijiet aktar diffiċli. Dan kollu wassal sabiex kien hemm xi ftit ta’ dewmien fil-proġett, iżda llum b’sodisfazzjon jista` jintqal li l-livell ta’ kwalita’, kemm fix-xogħol kif ukoll fil-materjal, huwa għoli u li jixraq lill-belt antika u storika bħall-Imdina, tenna il-Ministru. 

“Issa li l-proġett tal-pavimentar huwa lest,  aħna lkoll bħala Maltin għandna nkunu kburin mhux biss b’dan il-proġett iżda bid-diversi  inizjattivi u proġetti oħra li l-Gvern qiegħed u se jkompli jwettaq fis-snin li ġejjin. Ir-ringrazzjament tagħna għandu jkun l-għożża u l-apprezzament kif jixraq lejn id-diversi ġojjeli tal-wirt arkitettoniku u storiku ta’ pajjiżna.”  

L-impenn tal-Gvern favur ir-restawr, ir-rijabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjizna, qed jintwera biċ-ċar mhux bil-kliem imma bil-fatti u għalkemm sar investiment ta’ l-fuq minn Lm1 miljun ġo Belt storika bħall-Imdina, il-ħidma mhux se tieqaf hawn. Hawnhekk il-Ministru ħabbar xi proġetti oħra li se jkunu qed jiġu mwettqa fl-Imdina fosthom ir-restawr tal-Bieb prinċipali, ir-restawr ta’ parti mis-swar taħt il-Palazz Vilhena, proġett li se jkun ffinanzjat bi sħab mill-fondi ta’ l-EEA kif ukoll il-proġett ambizzjuż tar-restawr u l-konsolidament tas-swar kollha ta’ l-Imdina, proġett li tressaq quddiem il-Gvern għall-kunsiderazzjoni tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali ta’ l-UE. 

Il-Ministru tar-Rizorsi u l-Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit, temm id-diskors tiegħu billi irringrazzja lil kull min ta s-sehmu sabiex proġett hekk ambizzjuż irnexxa, b’mod partikolari lir-residenti u l-komunitajiet kummerċjali ta’ l-Imdina għall-paċenzja li ħadu waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow