DISKORS MILL-PRIM MINISTRU L-ONOR LAWRENCE GONZI FIL-FTUĦ TAL-KONFERENZA DWAR L-ISTRATEĠIJA NAZZJONALI GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI - DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, VALLETTA - IS-SIBT 22 TA’ APRIL 2006
Sinjuri,
Huwa ta' pjaċir għalija li nindirizza din il-laqgħa importanti li qed tagħlaq il-proċess konsultattiv dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli. Il-ħsieb wara dan il-proċess hu li ninkuraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku billi nsiru nafu, b'mod kemm jista' jkun wiesgħa, kif jaħsbuha diversi għaqdiet rappreżentattivi tal-poplu tagħna, qabel ma jinkiteb id-dokument ta' Malta dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Il-proċess konsultattiv beda f'April 2004. Saru diversi laqgħat ma' gruppi b'interess f'dan is-suġġett, u dawn wasslu għall-laqgħa tal-lum. Din il-laqgħa ser twassal għall-ewwel dokument bi strateġija għall-iżvilupp sostenibbli ta' Malta, li ser jiġi meqjus mill-Gvern Malti bħala gwida fil-politika tiegħu dwar dan is-suġġett. Bħala parti integrali minn dan il-proċess, qegħdin nippjanaw ukoll li ndaħħlu sistemi ta’ analiżi kontinwa.
X'inhuma l-vantaġġi prinċipali ta’ l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli? It-tweġiba għandha tkun ovvja għal kulħadd. Dan id-dokument ser ikun essenzjali għal dawk kollha involuti fit-tmexxija ta’ diversi setturi, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, u għandu jservi bħala gwida fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu minnhom. Dan id-dokument, inkluż il-proċess kollu marbut miegħu, idealment għandu iwassal ukoll biex ikollna konsensus nazzjonali fuq l-aspetti kruċjali u strateġici għal mod kif l-iżvilupp f’pajjiżna jista’ jseħħ b’mod sostenibbli. Hawnhekk għandna strateġija li tindirizza l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali b’mod koerenti u tippermetti dawk involuti fit-tmexxija biex jixtarru l-prijoritajiet marbuta ma’ dawn it-tliet kolonni ta’ l-iżvilupp sostenibbli. Mhux biss, iżda din l-istrateġija toħloq oppurtunità għall-identifikazzjoni ta' inizjattivi speċifiċi.
Il-proċess innifsu u l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija għandu jwassal għal ħolqien ta' skemi parteċipattivi u anke għall-esperjenzi edukattivi.
Huwa importanti ħafna li nżommu quddiem għajnejna dak li fi ħsiebna nippjanaw b'mod strateġiku. Kif bla dubju ser jintqal illum, l-iżvilupp strateġiku għandu jkun mibni fuq linja ta’ ħsieb li tieħu kont ta' diversi oqsma fl-istess ħin, billi tindirizza problemi ambjentali, ekonomiċi u soċjali, għax il-kwalità tal-ħajja tiddependi fuq dawn il-fatturi, meħuda kollha flimkien, u mhux separati minn xulxin.
Din il-linja ta’ ħsieb u ippjanar trid tħares lejn l-iżvilupp fit-tul. B'hekk tingħata attenzjoni kbira lill-integrità tan-natura, l-eradikazzjoni ta’ l-emarġinazzjoni soċjali u fatturi oħra li jaħdmu kontra l-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Għalhekk l-iżvilupp ekonomiku jeħtieġ li jkun ippjanat u mwettaq f’ qafas li jirrispetta dak li huwa kapaċi jiflaħ l-ambjent u l-prijoritajiet ta’ konservazzjoni f’pajjiżna.
Malta hi gżira b’territorju żgħir imma b’waħda mill-għola rati ta’ densità ta’ popolazzjoni li teżisti fid-dinja. Irrid għalhekk niġbed l-attenzjoni għal fatt li hemm ċertu temi f'dan id-dokument li huma ta' importanza kbira, mhux biss għal Malta, iżda wkoll għall-gżejjer żgħar kollha bħal tagħna. Eżempju tipiku huwa s-suġġett li jittratta l-bidla fil-klima. Skond studju tal-IPCC(Intergovernmental Panel onClimate Change), l-istati ta' gżejjer żgħar ser jintlaqtu sewwa bl-effetti negattivi li din il-bidla fil-klima tista’ ġġib magħha.
Bl-istess mod, l-immaniġġjar ta’ l-iskart joħloq aktar problemi fl-istati ta' gżejjer żgħar milli f'territorji akbar. Fuq kollox, id-densità' tal-popolazzjoni tagħna, kumplikata aktar bin-numru tat-turisti li nilqgħu fostna, tfisser li proporzjonaament għad-daqs ta’ pajjiżna, aħna niġġeneraw ħafna aktar skart minn territorji akbar minna. Fi ftit ġranet oħra, il-Gvern ser jippublika gћal konsultazzjoni pubblika, l-istrateġija gћall-immaniġjar ta’ l-iskart kif aġġornata minn kumitat tekniku mwaqqaf apposta gћal dan il-għan.
It-turiżmu huwa pilastru ewlieni ta’ l-ekonomiji ta’ l-istati tal-gżejjer żgħar. Iżda fl-istess ħin din l-industrija għandha effett sinifikanti fuq l-ambjent. Irridu nimxu b'attenzjoni kbira biex niżguraw li nieħdu kemm nistgħu mill-benefiċċji ekonomiċi mingħajr ma noħolqu effetti negattivi fuq l-ambjent. L-esperjenza turina u tgħallimna illi l-istati tal-gżejjer żgħar bħal Malta x’aktarx isibuha aktar diffiċli li joħolqu bilanċ minħabba l-kapaċità ristretta tagħhom.
Temi oħra bħal l-immaniġġjar tar-riżorsi ta’ l-ilma, l-immaniġġjar taż-żoni mal-kosta huma wkoll sfidi li rridu ngħelbu. Dan apparti l-fatt li t-tessut ekonomiku tagħna (economies of scale) tikkawża sfidi sinifikanti minħabba n-nefqa kbira meħtieġa. Din hija problema komuni għall-istati tal-gżejjer żgħar.
Fid-dawl ta’ dan, hemm bżonn li nisħqu illi l-iżvilupp sostenibbli ma jfissirx ekonomija staġnata jew dewmien ta’ l-iżvilupp fl-ekonomija - il-kelma żvilupp fiha nnifisha tindika tibdil għall-aħjar, li jinkludi l-ġid materjali. Għalhekk f'dan id-dokument, il-bżonn ta’ l-iżvilupp ekonomiku jingħata l-importanza li jistħoqlu, waqt li jemfasizza li l-iżvilupp sostenibbli mhux biss huwa tema ambjentali, iżda huwa tema b'dimensjonijiet differenti.
L-istrateġija proposta f'dan id-dokument tati każ ta' din ir-realtà. Fuq kollox qegħda tpoġġi bħala prijorità nazzjonali assoluta, il-bżonn għat-titjieb tal-kwalità tal-ħajja u ta' l-ambjent fi sforz biex nipproteġu l-prospetti aħħarija ta’ l-iżvilupp ekonomiku u l-ġid soċjali.
Għaliex qed ninsistu dwar il-parteċipazzjoni tal-poplu fit-tfassil ta' din l-istrateġija? Din il-parteċipazzjoni hija importanti għal żewġ raġunijiet:
l-ewwel, il-pubbliku għandu d-dritt demokratiku li jieħu sehem fid-deċiżjonijiet li jolqtuh f'ħajtu kemm lokalment, f'pajjiżu u anke fuq livell internazzjonali. It-tieni: deċiżjonijiet meħuda bi proċess ta' parteċipazzjoni huma aktar ibbażati fis-sod għax huma wkoll ibbażati fuq firxa wiesgħa ta' tagħrif, u allura ħafna drabi jkunu eħfef biex jiġu implimentati.
Irrid nirrileva li l-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija karatteristika essenzjali ta’ l-iżvilupp sostenibbli.
L-Għaxar Prinċipju tad-Dikjarazzjoni ta' Rio jgħid li l-problemi ta’ l-iżvilupp sostenibbli l-aħjar jiġu attwati bil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha li huma affettwati, u dawn għandhom ikollhom l-informazzjoni relevanti u l-opportunità biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi li jwasslu għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dwar dan, id-dokument jitkellem ċar, u hawn ser nikkwota:
"Parteċipazzjoni m'għandiex tiġi mifhuma bħala kritika passiva, iżda involviment fil-proċess tat-twettiq tal-miri ta’ l-iżvilupp sostennibli. Filwaqt li l-Gvern għandu r-responsabbiltà li jfassal, jiffinanzja u jwettaq l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, fl-istess ħin hemm ukoll ir-responsabbiltà li taqa' fuq kull individwu, għaqda u soċjetà ċivili in ġenerali li jagħtu s-sehem tagħhom billi jissapportjaw inizzjattivi li jwasslu għal żvilupp sostenibbli, u dan jgħamluh biex titjieb il-kwalità tal-ħajja għal ġenerazzjoni tal-lum u dawk tal-futur."
Dan kollu bla dubju ta' xejn ikun jeħtieġ bidliet fil-mod li ngħixu ħajjitna. Bidliet ta’ dan it-tip huma fost l-aktar diffiċli li jsiru, iżda l-Gvern jemmen li nistgħu flimkien ikollna suċċess jekk fit-twettiq ta’ din l-istrateġija ikun hemm is-sehem sħiħ u attiv tas-soċjetà ċivili.
Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor kienu mdaħħla fit-tfassil ta’ l-abbozz ta' din l-istrateġija. Nixtieq ukoll niringrazzja lil dawk involuti fil-preparazzjoni ta' din il-laqgħa importanti. Mhux possibbli li nsemmi lil kulħadd iżda nirrikonoxxi l-fatt li l-proċess kien jeħtieġ ħidma konsiderevoli minn firxa wiesgħa ta’ nies li lkoll ħaqqhom l-espressjoni ta’ apprezzament sinċier minn naħa tiegħi.
Irrid minn issa nirringrazzja lilkom, sinjuri, għal parteċipazzjoni tagħkom f'din il-konferenza u għal kontribut li ser tagħtu, biex il-prijoritajiet prinċipali ta’ l-iżvilupp sostenibbli għal pajjiżna jsiru magħrufa għal kulħadd.
Inħares 'l quddiem għal kontinwazzjoni ta' dan il-proċess ta’ konsultazzjoni u ta’ partiċipazzjoni u nittama li lkoll kemm intom li qed tieħdu sehem f'din il-konferenza tkomplu ssaħħu dan il-proċess billi tieħdu sehem fil-laqgħat li jsiru fost il-komunitajiet tagħkom u eventwalment fil-konferenza li trid issir fl-għeluq ta’ dan il-proċess.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956