IL-JUM DINJI TAL-KTIEB 2006
Nhar il-Ħadd 23 ta’ April jiġi ċċelebrat il-jum dinji tal-ktieb. Minbarra id-diversi attivitajiet li jiġu organizzati fl-iskejjel u madwar Malta u Għawdex, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni organizzat kompetizzjoni għat-tfal ta’ l-iskola kemm fil-livell primarju kif ukoll fil-livell sekondarju, u llum ingħataw il-premijiet lir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni.
It-tfal fil-primarja kellhom jiktbu intervista immaġinarja ma’ karattru minn ktieb ta’ l-għażla tagħhom. Il-kitbiet kellhom ikunu mhux aktar minn 150 kelma. 231 student mil-livell primarju pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni li ntrebħet minn Thomas Mallia student mill-Kulleġġ San Andrea. Din kienet l-ewwel darba kemm ilhom isiru dawn il-kompetizzjonijiet li l-ewwel premju intrebaħ minn tifel. It-tieni ġie Kyle Attard mill-Kulleġġ San Benedittu - Primarja Birżebbuġia u fit-tielet post ġew Cedric Demicoli mill-Primarja tas-Siġġiewi, Sarah Apap mill-Primarja tax-Xewkija Għawdex, u Gabrielle Pace mill-Kulleġġ Santa Monica. It-tfal u l-iskejjel rispettivi tagħhom ingħataw numru ta’ kotba bħala premju.
Fil-Livell Sekondarju pparteċipaw 787 studenti fi quiz ta’ 20 domanda dwar il-kotba. L-istudenti kellhom mhux biss jagħtu r-risposta t-tajba, iżda kellhom jagħtu s-sors tar-risposta tagħhom biex din tkun valida. L-għola marka li nkisbet kienet ta’ 95 marka. Fil-fatt żewġ skejjel ħadu l-ewwel post u ngħataw Lm100 f’kotba għal-librerija ta’ l-iskola tagħhom. Dawn kienu l-Kulleġġ Sacred Heart u l-Kulleġġ Santa Monika tal-Gżira. Ħames Studenti minn dawn l-iskejjel ingħataw Lm30 f’kotba. Dawn kienu Roberta Michelle Vassallo, Maria Guilia Pace u Rebecca Borg minn Santa Monica u Jessica Cilia u Stephanie Santucci mis-Sacred Heart.
Il-Jum Dinji tal-Ktieb jiġi ċċelebrat fit-23 ta’ April kull sena, il-jum li jimmarka l-mewt ta’ żewġ awturi famużi, William Shakespeare u Miguel de Cervantes. F’dan il-jum, il-UNESCO tħeġġeġ lill-popli kollha madwar id-dinja biex jaqraw aktar u jiċċelebraw il-ktieb li hu għodda mill-aqwa għall-iżvilupp tal-bniedem. It-tfal u ż-żgħażagħ huma partikolarment imħeġġa biex jaqraw aktar għalkemm l-adulti wkoll għandhom bżonn jaqraw aktar. Il-messaġġ ewlieni huwa li l-kotba huma parti essenzjali mit-tagħlim imma għandhom ikunu wkoll sors ta’ divertiment. L-attivitajiet fl-iskejjel qed jiġu organizzati mill-iSchools Library Service u l- Malta School Library Association.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956