Left arrow Mur Lura

Sala ġdida f’Monte Carmeli għall-anzjani sakemm tinstabilhom allokazzjoni  permanenti

pr0588
Date Icon 20/04/2006

Fl-isptar Monte Carmeli nfetħet is-Sala St. Jeanne Antide li se tilqa’ fiha temporanjament anzjani li ma jkollhomx fejn imorru wara li jingħataw kura fl-isptar San Luqa.  Dawn l-anzjani se jinżammu f’din is-sala sakemm tinstabilhom residenza permanenti fir-Residenza San Vincenz jew f’xi dar residenzjali tal-gvern.  Din is-sala se takkomoda 34 anzjan/a.  Il-ftuħ ta’ din is-sala għandu jnaqqas il-pressjoni fuq l-impjegati ta’ l-isptar San Luqa b’mod partikulari fis-swali tal-mediċina. 

Din is-sala ġiet inawgurata mill-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, flimkien ma’ l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità.  Is-sala issemmiet St. Jeanne Antide għall-fundatriċi tas-Sorijiet tal-Karità li jaħdmu  ħafna ma’ l-anzjani. 

Il-Ministru Deguara qal li l-ftuħ ta’ din is-sala huwa parti minn strateġija fit-tul li l-Ministeru ħabbar dan l-aħħar, minħabba d-domanda li dejjem qed tikber għall-akkomodazzjoni għall-anzjani.  Hu kkalkulat li matul l-għaxar snin li ġejjin il-gvern irid jipprovdi madwar 100 sodda fis-sena biex ilaħħaq mad-domanda.  Din l-istrateġija taħseb ukoll biex tinbena faċilità għar-rijabilitazzjoni biswit ir-Residenza San Vincenz, li se jkollha d-doppju ta’ sodod għar-rijabilitazzjoni li llum għandna f’Zammit Clapp.  Il-Ministru kompla li gvern responsabbli jrid jaħseb għall-futur u għalhekk jinsab impenjat biex jilqa’ għall-isfidi li l-bidliet demografiċi qegħdin iġibu magħhom. 

Il-Ministru ried jagħmilha ċara li din is-sala hi awtonoma minn Monte Carmeli u fil-fatt għandha wkoll aċċess separat.  Il-gvern ra li kien għaqli li juża bini eżistenti milli jibni mill-ġdid.  Fil-ġimgħat li għaddew din is-sala, minn waħda mitluqa ġiet trasformata għal waħda moderna bi spiża ta’ madwar Lm120,000.  Sar tibdil strutturali, sistemi ġodda ta’ elettriku u ilma, inbnew faċilitajiet sanitarji, tpoġġa madum ġdid u ġie nstallat lift.  Din is-sala se jkollha spiża rikorrenti ta’ madwar Lm270,000 fis-sena li l-gvern se jżid man-nefqa rikorrenti għall-isptar Monte Carmeli. 

Minn naħa tagħha, l-Onor. D’Amato qalet li l-ambjent ta’ din is-sala huwa simili għal dak li hemm fis-swali fir-Residenza ta’ San Vincenz De Paul, ambjent akkoljenti u mgħammar b’faċilitajiet biex l-anzjani jħossuhom komdi u jinqdew fil-bżonnijiet kollha tagħhom.  L-istaff mediku u paramediku ta’ din is-sala huwa wkoll imħarreg fil-qasam ġerjatriku, bħal ma nsibu f’San Vincenz.  

L-Onor. D’Amato kompliet tgħid li kulħadd jirrikonoxxi li f’pajjiżna l-anzjan għamel qabża kbira ta’ kwalità bil-mod ta’ kif qed jgħix l-anzjanità tiegħu.  Il-Gvern kien u għadu mpenjat biex jagħti importanza qawwija lill-qasam ta’ l-anzjani.  Hija tkellmet dwar l-blokk il-ġdid tan-nisa li qed jinbena f’San Vincenz De Paul.  Issa x-xogħol wasal fil-fażi finali u mistenni li jiġi inawgurat lejn l-aħħar tas-Sajf li ġej.  

“Dan il-blokk se jkun fih 108 sodda u nbena minflok is-swali tan-nisa numru 1, 2, 3, 4.  Flimkien miegħu qed isir ir-restawr tal-kappella l-antika kif ukoll se jsir il-pavimentar ġdid fil-bitħa li tgħaqqad il-Blokk Patri Piju li nfetaħ f’dawn l-aħħar snin, mal-blokk il-ġdid.  Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar Lm4 miljun.” 

Is-Sinjura D’Amato tkellmet ukoll dwar id-Dar għall-Anzjani tal-Mellieha.  Hija spjegat li bħalissa għaddej il-process fuq il-proġett tad-Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa,li mistennija li tilqa ’l fuq minn 100 anzjan. “Din id-dar ser topera fuq il-kunċett innovattiv tal-Public Private Partnership, u ser isservi ta’ mudell għal proġetti oħra” temmet tgħid is-Sinjura D’Amato.  

Fl-aħħarnett il-Ministru irringrazzja lill-ħaddiema kollha u l-awtoritajiet ta’ Monte Carmeli għall-ħidma kbira tagħhom biex immodernizzaw din is-sala. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow