STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI DWAR ARTIKOLU LI DEHER F’ĠURNAL LOKALI
Il-Ministeru tal-Finanzi jirribatti l-artiklu li deher fil-ħarġa ta’ ‘l-Orizzont’ tal-lum, it-Tlieta 18 ta’ April 2006, fejn ġie allegat li l-Union tal-Impjegati tal-Banek (l-MUBE), huma privileġġjati mill-Ministeru tal-Finanzi, u li s-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Tonio Fenech, kiser xi etika jew prattika fir-relazzjonijiet industrijali, meta bagħat ittra personalizzata lill-impjegati kollha tal-banek.
F’dan l-artiklu saret referenza għall-ittra li bagħat il-Ministeru lill-impjegati tal-banek kollha, fejn infurmahom bil-ftehim li kien intlaħaq mal-istess Union dwar ħlas tat-taxxa fuq ‘fringe benefits’, f’loans li jingħataw lill-istess impjegati tal-banek.
Din l-ittra, li kienet waħda informattiva, fejn anke ġie meħmuż eżempju maħdum ta’ kif se tolqot din ir-reviżjoni fit-taxxa lill-impjegati tal-banek, intbagħtet bl-iskop li l-impjegati jkunu nformati personalment dwar dan.
Dan il-ftehim intlaħaq wara diversi laqgħat li saru bejn is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, flimkien ma’ uffiċċjali mill-Ministeru u mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, u uffiċċjali mill-MUBE, wara talba li saret mill-istess MUBE.
Huwa minnu li l-Ministeru ġie mitlub mill-General Workers’ Union sabiex issir laqgħa bejn iż-żewġ naħat dwar dan, liema talba u laqgħa saru wara li kien diġa’ ntlaħaq il-ftehim imsemmi. Fil-fatt, waqt din l-istess laqgħa, l-Onor. Tonio Fenech kien informa lill-GWU b’dan.
Il-Ministeru ma ltaqax mal-General Workers’ Union qabel ma ntlaħaq ftehim mal-MUBE għax il-GWU fl-ebda stadju tad-diskussjonijiet m’għamlet xi talba biex tipparteċipa jew jibdew xi diskussjonijiet magħha fuq din il-materja.
Kien biss wara li deher li l-ftehim kien fil-qrib li l-GWU ippruvat tirkeb fuq dak li ħadmet għalih Union ohra. Mhux ġust li issa tipprova tatti n-nuqqas tagħha billi titfa’ dell ikraħ fuq dan il-Ministeru billi takkuża lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech li qed jimxi b’mod privileġġjat.
Il-Ministeru bħalissa għaddej f’diskussjonijiet interni sabiex janalizza l-proposti li saru kemm mill-MUBE, kif ukoll mill-GWU rigward reviżjoni fit-taxxa fuq share option schemes lill-impjegati tal-banek, u dwar child care għat-tfal tal-ħaddiema tal-banek.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956