Inawgurata s-Silver Palette Competition
Is-Silver Palette Competition tnediet mill-Malta Society of Arts, Manufacturers and Commerce fl-1979. Din qed tkun sponsorjata mill-Vee Gee Bee Art.
Din is-sena daħlu għal din il-kompetizzjoni 95 biċċa xogħol ta’ 66 artist f’ħames taqsimiet li ġew determinati minn qabel. Ix-xogħlijiet, bit-tema komuni ‘Nostalgia’, inħadmu minn watercolours, żejt, akrilika, media oħra, skultura u ċeramika.
Ir-rebbieħ f’kull taqsima rispettiva jirċievi rigal filwaqt li r-rebbieħ tal-ħames taqsimiet jingħata is-Silver Palette Trophy 2006. Rebbieħa tat-Taqsimiet u artisti li x-xogħlijiet tagħhom huma kunsidrati ta’ livell għoli jiġu preżentati b’Honourable Mention Certificate.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta fetaħ il-wirja marbuta mas-Silver Palette Exhibition 2006 qal li s-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ għandha l-għan li ssaħħaħ l-impriża, tkabbar ix-xjenza, tmexxi ’l quddiem l-arti, ittejjeb il-manifattura ta’ pajjiżna u testendi l-kummerċ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ tappoġġja s-settur kulturali billi tipprovdi tagħlim għal dawk li huma nklinati u motivati lejn studji artistiċi, tekniċi, edukattivi u kulturali. Hu qal li s-Soċjeta’ torganizza wkoll wirjiet bħal din li qed tiġi inawgurata.
“Is-Soċjeta’ ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ rnexxielha tiġbor flimkien 66 artist li qed juru 95 biċċa xogħol ta’ l-arti f’ħames taqsimiet differenti. Din hi inizjattiva ta’ min jinkorraġiha għaliex turi li s-Soċjeta’ ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ mhux biss għandha programm iżda tesegwieh għall-ġid ta’ l-arti u l-kultura f’pajjiżna,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-organizzazzjoni tas-Silver Palette Competition 2006 hi ħolqa oħra fil-katina ta’ attivitajiet li torganizza s-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ. Hu qal li s-Soċjeta’ kienet l-ewwel li waqqfet skola tal-bizzilla, kienet il-pijuniera ta’ l-iskemi ta’ l-apprendistat u l-edukazzjoni teknika, kienet li organizzat klassijiet ta’ l-arti, artiġġjanat u mużika għall-adulti u kienet li rrapreżentat f’Malta l-London College for Music of Thames Valley University (London) għal kważi 80 sena b’Palazzo De La Salle bħala Ċentru Malti ta’ dawn l-eżamijiet.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ kemm lis-Soċjeta’ ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ għall-inizjattiva tagħhom kif ukoll lil dawk l-artisti kollha li ħadu sehem fis-Silver Palette Competition 2006.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956