Taħlita ta’ divertiment u solidarjetà
Is-17-il edizzjoni tal-Live Music Marathon organizzata mill-BJ’s din is-sena wkoll qed tittella’ b’risq il-Wishing Others Well (WOW), id-driegħ soċjali tal-Millennium Chapel f’Paceville, li titmexxa minn Fr Hilary Tagliaferro.
Il-maratona ta’ 156 siegħa ta’ divertiment ‘live’ bdiet il-lum it-Tnejn, 17 ta’ April fil-5.00 pm. Fil-maratona jipparteċipaw diversi mużiċisti b’varjeta’ ta’ mużika li tinkludi mużika klassika, jazz, blues, rock u reggae. Mużiċisti ta’ kull tip ta’ mużika qed ikunu mħeġġa jipparteċipaw f’din il-maratona.
Il-Live Music Marathon tittella’ l-għada ta’ l-Għid il-Kbir u matulha jinġabru flus ħdejn il-bieb għall-għaqda filantropika WOW.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, li nawgura l-maratona, qal li kien japprezza l-ġest sabiħ tal-BJ’s li f’dawn il-jiem ta’ festa jħalltu d-divertiment ma’ solidarjeta’ biex jipprovdu 156 siegħa ta’ mużika minn mużiċisti stabbiliti u mużiċisti li jkunu għadhom qed jibdew.
“L-inkorraġiment tagħna lill-volontarjat jimbuttana biex nappoġġjaw kull inizjattiva favur dawk bi bżonnijiet speċjali. L-attivita’ li qed tiġi organizzata mill-BJ’s ħaqqa l-appoġġ kollu tagħna u għalhekk ma stajtx ma nkunx preżenti biex nagħti l-appoġġ tiegħi sew lill-BJ’s, kif ukoll lill-Millennium Chapel li qed twettaq ħidma filantropika,” tenna il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-maratona hi opportunita’ għal dawk il-mużiċisti li għadhom kif jibdew. Dawn se jkollhom ċ-ċans joħorġu t-talent tagħhom flimkien ma’ mużiċisti stabbiliti. Hu qal li kien jemmen li l-mużika kienet parti importanti mill-kultura ta’ pajjiżna. Hu qal li pajjiżna kien ipproduċa mużiċisti li mhux biss għamlu isem lokalment iżda anke ’l bogħod minn xtutna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lill-BJ’s għal din l-inizjattiva u awguralhom kull suċċess għaliex mis-suċċess tagħhom igawdu għaqdiet filantropiċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956