ĦOLQA OĦRA FIS-SETTUR TURISTIKU SPORTIV
Fil-bajja ta’ l-Għadira fil-Mellieħa ġie inawguat l-Adira Sailing Centre, l-ewwel ċentru tat-tip tiegħu fil-gżejjer Maltin. Dan iċ-ċentru ser jitmexxa kummerċjalment bl-iskop li jattira attivitajiet Ewropej u internazzjonali fuq bażi regolari.
Iċ-ċentru xtara flotta ta’ sailing dinghies ġodda li qed ikunu inawgurati wkoll il-lum. Iċ-ċentru se jkollu sailing school għal studenti minn tmienja sa disa’ snin ’il fuq. Iċ-ċentru qiegħed ukoll f’diskussjonijiet ma’ organizzaturi Ewropej ta’ attivitajiet u diġa’ hemm żewġ attivitajiet li mistennija jiġu organizzati f’Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura l-Adira Sailing Centre. Hu qal li l-ibburdjar kien sport popolari f’Malta u seta’ jkun ukoll attrazzjoni oħra turistika importanti. Francis Zammit Dimech qal li l-qagħda strateġika ta’ Malta kienet tqiegħdna f’pożizzjoni li noffru kull tip ta’ sport tal-baħar mill-yachting, għall-ibburdjar, waterpolo, l-ghadds taħt il-baħar u dixxiplini oħra sportivi marbuta mal-baħar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-baħar jagħti lil pajjiżna vantaġġ fl-organizzazzjoni ta’ kull tip ta’ sports marbut mal-baħar u għalhekk kien qiegħed isir minn kollox biex jikber is-segment sportiv. Hu qal li dan is-segment kien diġa’ jattira lejn pajjiżna madwar 85,000 turist fis-sena li 54,000 minnhom jiġu pajjiżna għad-diving. Hu qal li filwaqt li ridna nkomplu nieħdu miżuri biex inkabbru l-underwater diving fl-istess waqt ridna wkoll nidentifikaw dixxiplini oħra sportivi marbuta mal-baħar u nagħmlu promozzjoni biex nattiraw għalihom turisti ‘ġodda’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-fatt li l-fundatur tal-proġett Paul Ellul kellu ħafna snin ta’ esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ regattas u attivitajiet oħra marbuta mal-baħar kien ser jagħti lil dan il-proġett bidu tajjeb.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lill-management ta’ l-Adira Sailing Centre and Lido Ltd għal dan il-proġett. Hu qal li darba dan iċ-Ċentru għandu livelli Ewropej ta’ sigurta’ u saħħa jemmen li nistgħu nikkompetu għas-sehem tagħna fis-suq ta’ l-ibburdjar ma’ pajjiżi Mediterranji oħra fosthom Ċipru, l-Italja, il-Greċja u Spanja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956