OSSERVAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA DWAR IR-RAPPORT TAL-KUMMISSARJU GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM TAL-KUNSILL TA’ L-EWROPA
Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ngħatat mill-leġislatur il-kompitu li, fost affarijiet oħra, tissorvelja l-ħidma tal-Qrati u tagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja li jistgħu jwasslu għal aktar effiċjenza fl-istess Qrati, kif ukoll li tagħti parir lill-imsemmi Ministru dwar kull ħaġa li għandha x’taqsam ma’ l-organizzazzjoni ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja (Artikolu 101A(11)(a)(b) tal-Kostituzzjoni).
Il-Kummissjoni, għalhekk, ħadet nota ta’ dik il-parti tar-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, Follow-up Report on Malta (2003-2005), ippublikat fid-29 ta’ Marzu 2006, li titkellem dwar “Functioning of the Justice System”. F’dik il-parti tar-rapport l-imsemmi Kummissarju, wara li jaċċenna għal xi titjib li sar fil-funzjonament tas-sistema tal-ġustizzja mill-aħħar żjara tiegħu f’Malta f’Ottubru tal-2003, jirrimarka dwar it-tendenza, li huwa jsejħilha “ta’ tħassib”, li biex jitnaqqas il-volum ta’ xogħol quddiem il-Qrati, ċerti kawżi jiġu trasferiti quddiem ġudikanti mhux ta’ karriera (“non-professional judges”), inkluża t-tendenza li tkompli tiżdied il-kompetenza tat-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar. Il-Kummissarju jirrimarka wkoll dwar il-“backlog” ta’ kawżi li għadu qawwi, kif ukoll dwar il-pensjonijiet baxxi ta’ l-imħallfin u l-maġistrati li jista’ jinċidi fuq il-perċezzjoni ta’ l-indipendenza tal-ġudikatura f’kawżi fejn ikun involut il-Gvern. Il-Kummissarju tenna r-rakkomandazzjoni, ġa` minnu magħmula fl-ewwel rapport tiegħu ta’ Frar 2004, li għandu jiġi kkunsidrat li jiżdied in-numru ta’ imħallfin u maġistrati, kif ukoll irrakkomanda li l-effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja m’għandix issir a skapitu tad-drittijiet fondamentali taċ-ċittadin, u li l-indipendenza tal-Ġudikatura għandha tkun pjenament garantita.
Il-Kummissjoni taqbel kemm ma’ l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju kif ukoll mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel li għandhom jiġu promossi metodi ta’ “alternative dispute resolution”, dan għandu dejjem isir fir-rispett sħiħ tad-dritt taċ-ċittadin għal aċċess għal qorti imparzjali u indipendenti kif provdut fil-Kostituzzjoni u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali li llum hija parti integrali mill-liġi ta’ Malta (Kap. 319). Il-Kummissjoni tfakkar li ġa` fir-Raba’ Rapport ta’ Ħidma tagħha (għall-perjodu Ottubru 2002 – Settembru 2003) hija kienet irrakkomandat “…li jkun hemm żieda temporanja fin-numru ta’ imħallfin (u, jekk ikun il-każ, maġistrati għall-Qorti ta’ Għawdex fil-kompetenza superjuri tagħha) biex tkun tista’ tiġi indirizzata minnufih il-problema tal-kawżi pendenti.” Mid-data ta’ dak ir-rapport żdiedu konsiderevolment id-doveri tal-maġistrati konnessi ma’ investigazzjonijiet tal-pulizija bl-emendi li ġew fis-seħħ bl-Avviż Legali 273 tal-2003, u għalhekk din il-Kummissjoni tirrakkomanda li biex dawn id-doveri jitwettqu bl-aħjar mod possibbli, għandha tiġi kkunsidrata żieda anke fin-numru tal-maġistrati.
Fir-Raba’ Rapport tagħha, il-Kummissjoni kienet ukoll għamlet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni tal-pensjonijiet ta’ l-imħallfin u l-maġistrati, u osservat li “din id-differenza tant qawwija [bejn is-salarju ta’ ġudikant u l-pensjoni ta’ meta jirtira] tista’…tagħti lok għal sitwazzjonijiet li jista’ jkollhom riperkussjonijiet negattivi.”
Fl-aħħarnett il-Kummissjoni tfakkar li skond ir-rapport tal-“European Commission for the Efficiency of Justice” (CEPEJ) tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, ippublikat f’April tas-sena l-oħra – European Judicial Systems 2002 – Malta hija fost il-pajjiżi ta’ l-Ewropa li għandhom l-aktar numru baxx ta’ “professional judges” għal kull mitt elf persuna (ara paġna 34, tabella 12 ta’ l-imsemmi rapport). Għalhekk hi f’waqtha r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għal żieda fin-numru ta’ imħallfin u maġistrati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956