IL-KUNSILL MALTI GĦALL-ARTIĠJANAT INIEDI ĊERTIFIKATI ĠODDA TA’ AWTENTIĊITA’ GĦALL-GĦAWDXIN LI JIMMANIFATTURAW PRODOTTI TA’ L-ARTIĠJANAT
“Sabiex inkomplu ninkoraġixxu l-prodott Malti u Għawdxi fis-suq, qegħdin inniedu dawn iċ-ċertifikati biex jgħinu dawn il-prodotti jiġu apprezzati aktar u rikonoxxuti kemm mit-turisti kif ukoll mill-konsumaturi Maltin.” Il-Ministru għall-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni Censu Galea qal dan waqt it-tnedija ta’ 30,000 ċertifikat ġdid ta’ awtentiċita’ li qed jingħataw b’xejn lill-ħwienet u artiġjana Għawdxin. Dan il-proġett qiegħed jitwettaq flimkien bejn il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni, u l-Ministeru għal Għawdex.
Hawn madwar 768 persuni li jaħdmu fl-artiġjanat li huma rreġistrati mal-Kunsill Malti ta’ l-Artiġjanat u dan in-numru kull ma jmur qiegħed jiżdied. F’Malta, f’dawn l-aħħar snin, tqassmu madwar 320,000 ċertifikat ta’ awtentiċita’, filwaqt li ġew imqassma wkoll madwar 120,000 sticker.
Il-Ministru Galea kompla jgħid li sabiex din l-inizjattiva tilħaq l-għan tagħha għandha tintuża b’mod ġenwin u għaldaqstant il-Market Surveillance Unit li jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għall-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni, se jieħu passi biex jassigura li ma jkunx hemm abbuż minn dawn iċ-ċertifikati. Dan għaliex fis-suq hawn prodotti li għalkemm jesponu simboli ta’ pajjiżna, ikunu fil-fatt maħdumin f’pajjiżi barranin, u għaldaqstant trid tingħata attenzjoni partikolari biex dawn iċ-ċertifikati ma jitpoġġewx fuq prodotti li ma jkunux magħmula lokalment.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li s-settur ta’ l-artiġjanat għandu potenzjal qawwi għall-ekonomija tal-gżira ta’ Għawdex u kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex qed isostnih b’żewġ proġetti li huma kumplimentari għat-tisħiħ tal-kwalita’ fl-artiġjanat Għawdxi li għalih qed timmira l-inizjattiva mnedija dalgħodu. Il-Ministru Debono rreferiet għall-proġett li jinvolvi l-investiment ta’ madwar €800,000 għat-tkabbir taċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri f’Għajnsielem u għall-bini ta’ l-ewwel Ċentru ta’ Żvilupp (Incubation Centre) għall-Artiġjanat f’Għawdex. Dan il-proġett qed isir b’fondi li ġejjin mill-Programm ta’ Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006 b’mod speċifiku permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Il-Ministru Debono qalet li minbarra dan il-proġett il-Ministeru għal Għawdex ħaseb biex jintroduċi korsijiet ġodda ta’ l-artiġjanat offruti mill-istess Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Dawn il-korsijiet, li bdew jingħataw b’xejn minn Jannar ta’ din is-sena, illum qed joffru opportunita’ ta’ taħriġ lil madwar 90 persuna f’suġġetti artiġjanali differenti, uħud minnhom jingħataw għall-ewwel darba f’Għawdex.
Dawn il-proġetti, flimkien maċ-ċertifikat li huwa garanzija ta’ kwalita’, huma mmirati li jtejbu l-qasam ta’ l-artiġjanat f’Għawdex u se jippermettu li tkun iktar faċli għall-Għawdxin li mhux biss jakkwistaw ħiliet marbuta ma’ l-artiġjanat imma wkoll li jwaqqfu n-negozju tagħhom f’din il-linja, u jirnexxilhom iġibu prezzijiet aħjar għal prodotti artiġjanali ġenwini u ta’ kwalita’. B’hekk jinkoraġixxu kontribut ikbar ta’ l-artiġjanat lejn l-ekonomija ta’ Għawdex.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, qal li l-Gvern qiegħed jaħdem biex igħin lill-artiġjanat u n-negozju Malti u Għawdxi. Huwa ħeġġeġ lill-konsumaturi Maltin biex kull fejn jistgħu, jixtru prodotti Maltin. Iżda huwa wissa lill-produtturi Maltin biex jimmanifatturaw prodotti ta’ kwalita’.
“Aħna rridu li l-konsumaturi jixtru aktar prodotti Maltin, iżda jiddependi minnkom produtturi wkoll, li tpoġġu fuq is-suq prodotti ta’ kwalita’ li kapaċi jikkompetu ma’ prodotti manifatturati barra minn Malta. L-artiġjanat Malti ma jinxtarax biss mit-turisti, iżda wkoll mill-konsumaturi lokali, li minn dejjem ifittxu prodotti ta’ kwalita’ bi prezz raġjonevoli. Il-Gvern dejjem ħadem biex isostni l-artiġjanat Malti, u issa rridu nkunu aktar innovattivi fl-appoġġ li nagħtu lill-prodotti lokali. Illum nistgħu ngħinu lill-artiġjana tagħna billi nappoġġjaw il-marketing tal-prodotti tagħna. Jiena ċert li l-prodotti ta’ l-artiġjanat li jinħadmu f’Malta u Għawdex huma kapaċi jikkompetu ma’ prodotti minn barra, u hemm bżonn għalhekk li nkunu kburin mill-prodotti tagħna u li nkomplu noffri prodotti ta’ l-ogħla kwalita’.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956