Id-Diviżjoni tas-Saħħa tappella għall-kalma
Wara li deheru diversi rapporti fil-ġurnali dwar tliet każi ta’ Epatite A, id-Diviżjoni tas-Saħħa tappella għall-koperazzjoni tal-media biex jgħinu ħalli ma jinħoloqx allarm bla bżonn, li jwassal biex il-ġenituri ma jibgħatux lil uliedhom l-iskola.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa għal darb’oħra ttenni li, l-Epatite A mhix infezzjoni perikoluża u tfieq kompletament mingħajr ma tħalli konsegwenzi. L-awtoritajiet tas-saħħa f’każi simili, dejjem jieħdu prekawzjoni u jlaqqmu biss lil persuni viċin ta’ min ikollu din il-kundizzjoni.
M’hemm l-ebda raġuni għaliex persuni, li ma jiġux identifikati mill-awtoritajiet tas-saħħa bħala li għandhom bżonn din it-tilqima, għandhom jiġu mlaqqma. Hu ħażin li tilqima tingħata jekk ma jkunx fuq pariri mediċi li hemm tassew il-ħtieġa.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa terġa’ tappella biex il-ġenituri jsegwu l-istruzzjonijiet li jingħatawlhom. Tappella wkoll lill-media biex tkun responsabbli u korretta. Il-media kellha l-assigurazzjoni awtorevoli ta’ l-awtoritajiet tas-saħħa li s-sitwazzjoni kienet il-ħin kollu taħt il-kontroll tagħhom. Sezzjoni tal-media dehrilha li flok issaħħaħ dan il-messaġġ, ħadmet b’mod li m’għamel xejn ħlief żied it-tensjoni u l-allarm bla bżonn fuq il-ġenituri.
Illum stess, tobba mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ltaqgħu mal-ġenituri biex jerġa’ jiġi spjegat lilhom il-prekawzjonijiet li ħadet id-Diviżjoni tas-Saħħa u jkomplu jserrħulhom moħħhom li m’hemmx raġuni għaliex it-tfal m’għandhomx jintbagħtu l-iskola.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa għal darb’oħra tagħti parir lill-pubbliku biex josserva prattiċi normali u bażiċi ta’ iġjene.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956