Left arrow Go Back

Fiera ta’ l-Informatika f’Għawdex

pr0558
Date Icon 11/04/2006

Il-Ministeru għal Għawdex qed jgħin fl-organizzazzjoni ta’ l-ewwel fiera ta’ l-informatika f’Għawdex li se tittella’ fil-Kumpless Sportiv t’Għawdex bejn il-Ġimgħa 21 u l-Ħadd 23 t’April 2006.  

Għażla wiesa’ ta’ negozji u stabilimenti li jipprovdu servizzi jew faċilitajiet marbuta ma’ l-informatika f’Malta u f’Għawdex ser jesibixxu l-aħħar prodotti li waslu fis-suq u li jistgħu jinteressaw kemm lil min juża l-computer fid-dar u anke fin-negozju. Il-fiera se tipprovdi opportunita’ lil min iżurha biex jara b’għajnejh u jkollu esperjenza hands-on ta’ l-għażla ta’ prodotti u servizzi li jeżistu fis-suq lokali.  

Bl-informatika ssir dejjem iktar importanti f’pajjiżna, bil-proġett ta’ SmartCity jkun eżempju ċar ta’ l-iżvilupp li pajjiżna għamel f’dan il-qasam, l-organizzaturi ħasbu wkoll biex jistiednu organizzazzjonijiet mis-settur pubbliku u privat li jaħdmu fil-qasam ta’ taħriġ biex b’hekk jipprovdu nformazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ li jeżistu f’Malta u Għawdex f’dan il-qasam.  

Minbarra t-tlett ijiem tal-fiera, nhar il-Ġimgħa 21 ser jiġi organizzat seminar għall-ġenituri bil-għan li jgħinhom jakkwistaw iktar għarfien u nformazzjoni dwar l-internet. Is-seminar, li se jsir fis-sala tal-Liċeo Ninu Cremona fir-Rabat, huwa miftuħ għall-ġenituri kollha li jixtiequ jsiru jafu iktar dwar l-internet inkluż kif tipproteġi lil uliedek waqt li jużaw l-internet.  

Meta kien qed jitkellem waqt it-tnedija ta’ din il-fiera, Anthony Borg, il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għal Għawdex qal li l-organizzazzjoni ta’ attivita’ bħall-fiera ta’ l-informatika tista’ tħajjar lil dawk kollha li jużaw l-informatika fid-dar jew fin-negozju biex jaraw x’inhuma l-aħħar żviluppi u jtejbu s-servizzi tagħhom għall-ġid ta’ l-operat tagħhom u għas-sodisfazzjon tal-klijenti tagħhom.  

Is-Sur Borg qal li bl-importanza dejjem tiżdied ta’ l-informatika, qed issir dejjem iktar importanti li mhux biss it-tfal ta’ l-iskola jkunu familjari tal-computers fil-ġurnata tagħhom ta’ kuljum imma wkoll negozji żgħar u medji li f’Għawdex jiffurmaw il-parti l-kbira ta’ l-attivita’ ekonomika.  

B’referenza għall-kontribuzzjoni tal-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta’ l-informatika f’Għawdex is-Sur Borg qal li l-Ministeru għal Għawdex sal-lum għandu medja ta’ computer għal kull 5 studenti fl-iskejjel primarji u computer għal kull tnax-il student fl-iskejjel sekondarji, minbarra li kontinwament itejjeb il-hardware u s-software fl-iskejjel, libreriji pubbliċi u dipartimenti governattivi oħra madwar Għawdex.  

Il-Ministeru għal Għawdex tejjeb ukoll l-infrastruttura f’diversi skejjel biex fihom jiżdiedu l-laboratorji tal-computers filwaqt li permezz tal-Fond Soċjali Ewropew ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għal Għawdex nieda kors għall-adulti fl-E-commerce u l-IT kif ukoll skema biex tgħin lil negozji żgħar u medji Għawdxin itejbu l-informatika fin-negozju tagħhom.  

Il-fiera, organizzata minn Sign IT, qed tiġi koordinata minn Paul Vella, u mgħejjuna mill-Ministeru għal Għawdex, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u Gozo Channel.  

Id-dħul għas-seminar u għall-fiera huwa b’xejn. Il-ħinijiet tal-fiera huma: il-Ġimgħa 21 mis-6pm sad-9pm; is-Sibt 22 mis-6pm sa l-10pm; u l-Ħadd 23 mill-10am san-12.30pm u mit-3pm sad-9pm.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow